“Deċiżjoni li biha qed ngħinu u ntejbu l-ħajja tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar”

    “Mhuwa l-ebda sigriet li r-residenti u n-negozji ta’ San Pawl il-Baħar ilhom snin fuq snin isofru minn infrastruttura inadekwata, infrastruttura li mhijiex denja. Il-Gvern jaħseb li huwa inġust li daqstant residenti, daqstant negozjanti jridu jgħixu u jaħdmu u joperaw ta’ kuljum minn toroq fi stat orrur, l-istess toroq li jaraw influss kbir ta’ turisti, toroq li minħabba l-istat tagħhom l-anqas biss huma sikuri.” Hekk beda d-diskors tiegħu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg b’referenza għad-deċiżjoni li l-Gvern Ċentrali ħa biex jibda x-xogħlijiet ta’ tiswija fuq diversi toroq fl-inħawi ta’ Buġibba u l-Qawra.

    Waqt li kien qiegħed iżur Triq Sant’Antnin, li hija waħda mis-17-il triq li bħalissa għaddejjin minn din il-ħidma estensiva, il-Ministru Borg spjega kif din id-deċiżjoni kellha tittieħed bilfors minħabba l-istat li fih kienu jinsabu dawn it-toroq. Huwa saħaq li l-Gvern iddeċieda li l-fondi li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kellu biex jagħmel dan ix-xogħol, fondi li kienu ilhom hemm imma qatt ma ntużaw, kellhom jiġu lura għand il-Gvern biex jintervjeni hu.

    “Deċiżjoni żbaljata? Le, mhijiex, għax hija deċiżjoni li biha qed ngħinu u ntejbu l-ħajja tar-residenti ta’ dawn l-inħawi. Il-verità hi li kieku ma intervjeniex il-Gvern, dawn it-toroq qatt ma kienu se jsiru mill-Kunsill u naħseb li dan jistgħu jaħilfu għalih in-nies li joqogħdu jew jaħdmu f’dawn l-inħawi, nies li ilhom għal snin jistennew li t-triq li jużaw ta’ kuljum tkun aktar sikura u denja ta’ infrastruttura xierqa” qal il-Ministru Borg filwaqt li fakkar li Infrastructure Malta bdiet ix-xogħlijiet ma’ sbieħ it-Tnejn filgħodu ta’ din il-ġimgħa. 

    “Nemmen li din kienet deċiżjoni tajba, deċiżjoni għaqlija għan-nies li jżuru dawn l-inħawi, għan-negozjanti u għall-familji. Irridu naħdmu, irridu naġixxu. Dak kollu li kien fuq l-ixkaffa qabel irid jiġi implimentat, u filwaqt li napprezzaw li d-deċiżjoni li ħadna ma niżlitx tajjeb mal-Partit Nazzjonalista, ma’ membri minn dan il-partit,  il-fatt kien, għadu u jibqa’ li dan il-Gvern lest jieħu d-deċiżjonijiet u jaġixxi għat-tajjeb tar-residenti wara li l-istess amministrazzjoni Nazzjonalista ħalliet l-infrastruttura f’telqa għal għexieren ta’snin,” qal il-Ministru.

    Huwa saħaq li l-ħidma intensiva se tibqa’ għaddejja fuq kull livell u li ħadd mhu se jkun qiegħed ifixkel dan l-impenn, hekk kif dan il-Gvern għandu għal qalbu il-poplu Malti u Għawdxi u f’dan il-każ ħa f’idejh l-impenn li jara titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu f’San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, l-istess Gvern li qiegħed jimplimenta proġett b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun fuq seba’ snin, fejn din is-sena beda b’290 triq residenzjali.

    “Għax illum hawn Gvern li jagħti widen, Gvern li lest jaġixxi, Gvern li mhux biss iwiegħed u jippjana, imma Gvern li jaħdem u jwettaq,” għalaq il-Ministru Borg.