Il-kantanta Għawdxija Ruth Portelli se tirrappreżenta lil pajjiżna fid-Discovery International Pop Music Festival

    Ruth Portelli, kantanta versatili mmens mill-gżira t’Għawdex li riċentament għamlet ritorn ta’ suċċess fix-xena tal-mużika lokali wara xi ftit żmien lil’hinn, daqt ssiefer lejn Varna, magħrufa bħala il-kapitali sajfija tal-Bulgarija. Hemm ħa tkun qed tirrapreżenta ‘l Malta fid-Discovery International Pop Music Festival b’żewġ kanzunetta: “Determinata”, kanzunetta oriġinali mill-pinna t’Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna; u “Think of Me”, kanzunetta meħudha mill-film tal-2004, Phantom of the Opera.

    Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fid-Discovery International Pop Music Festival minn dejjem kienet regolari b’għadd t’artisti fosthom; Marvic Lewis u Mark Tonna fiż-żmien disgħin kif ukoll Olivia Lewis, Julie Zahra, Ludwig Galea, Roger Tirazona, Eleanor Spiteri, Janvil, Domenique, Deborah C u Janice Mangion matul is-snin elfejn. Tajjeb li ngħidu li kollha ħallew impatt, bi ftit minnhom ukoll jirbħu trofew.

    Mill-bidu tiegħu lura għas-sena 1992, id-Discovery International Pop Music Festival ra diversi artisti mill-Ewropa jiksbu fama fosthom; l-ex rappreżentanti tal-Junior Eurovision Song Contest, Alina Eremia u Marios Tofi; l-istilla ikonika tal-pop Rumena, Laura Stoica; u l-ex rappreżentanti tal-Eurovision Song Contest, Luminita Anghel, Nico, Aleksandra u Konstantin, Mihai Traistariu fost l-oħrajn.

    Fl-aħħar tnax-il xahar, Ruth ħadet sehem fl-Għanja tal-Poplu tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll produzzjoni lokali ta’ Joseph & the Amazing Technicolor Dreamcoat, u b’hekk tħossha preparata għal din l-esperjenza, l-ewwel darba fuq skala internazzjonali. “Eċitata ħafna, imma kuntenta ħafna li ħa jkolli ċ-ċans li nimxi fuq il-passi t’artista bħal Janice Mangion… billi naqsam il-lingwa Maltija mal-udjenza Bulgara”.

    Il-festival ta’ din is-sena ħa jseħħ bejn is-17 u d-19 ta’ Mejju. Ruth ħa tkun akkumpanjata ġewwa Varna mill-familja mmedjata tagħha kif ukoll il-maniġer u l-pubblikatur tagħha Marc Calleja Bayliss minn Ironic PR & Artist Management.