Gabbatta 2019 b’xogħlijiet fil-minjatura

    Waħda mill-attivitajiet prinċipali li jorganizza l-Kumitat Festi Esterni Santa Venera hija l-wirja “Gabbatta” marbuta ma’ żmien il-Ġimgħa l-Kbira. Din il-wirja l-Kumitat ilu jorganizzaha sa mis-sena 1985 u kull sena jkun hemm varjazzjoni f’dak li jiġi esebit.

    Din is-sena se tikkonċentra fuq xogħlijiet ta’ minjaturi ta’ statwi li nħadmu minn artisti differenti - kemm Maltin kif ukoll barranin. Fost l-esebiti li se naraw din is-sena nsibu dawk li huma x’aktarx il-buzzetti tal-figuri tad-Duluri u San Ġwann xogħol ta’ Karlu Darmanin, li nsibu fil-vara l-kbira fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi. 

    Se nsibu ukoll il-buzzett tal-vara ta’ Marija Addolorata meqjuma fil-knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, xogħol ta’ Alfred Camilleri Cauchi, kif ukoll sett vari tal-istatwarju Renzo Gauci, sett statwi ta’ Anthony Magri, sett tad-Dilin, tad-Diżma u ħafna oħrajn. 

    Se jkun hemm Kurċifiss tal-istatwarju u induratur Pullu Magro tal-Floriana, Kurċifissi ta’ Lecce, Bolzano, Spanja u Ġerusalemm. F’din il-wirja se jkun hemm esebiti wkoll kollezzjoni ta’ madwar 220 Kurċifissi, kollezzjoni ta’ bustijiet tal-Wiċċ ta’ Kristu u santi antiki li kollha għandhom rabta mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.

    Fost oħrajn insibu sett ġdid maħdum mill-artist Brandon Caruana u Anthony Magri. B’mod esklussiv dis-sena nsibu statwa ta’ Kristu marbut, xogħol il-mibki Renzo Gauci. Din is-sena nbeda wkoll sett ġdid xogħol l-Għawdxi Cutajar Zahra. 

    Id-dħul huwa b’xejn u dan kollu wieħed jista’ jarah fiċ-Ċentru Parrokkjali Santa Venera f’numru 388 Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, fil-wirja “Gabbatta 2019” li tibqa’ miftuħa sad-19 ta’ April. Fost il-ġimgħa tiftaħ mill-5.30 sat-8.00p.m.; Sibtijiet u Ħdud mid-9.00a.m. sas-1.00p.m. u mill-5.30 sat-8.00p.m. F’Jum id-Duluri mid-9.00 sal-10.00p.m.; Ħamis ix-Xirka mid-09:00 sa’ nofsilejl u nhar il-Ġimgħa l-Kbira mid-9.00 sas-2.00p.m.