L-esperjenzi tat-tfal Maltin fuq il-Kunsill Ewropew tat-Tfal tal-Eurochild

    Għal dawn l-aħħar sentejn, Sharon Cilia, membru tal-Kunsill tat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’ (The Malta Foundation for the Wellbeing of Society) kienet ir-rappreżentanta Maltija fuq il-Kunsill Ewropew tat-Tfal, ikkordinat mill-organizzazzjoni Eurochild. 

    Dan il-kunsill jaf il-bidu tiegħu wara inizjattiva li saret mill-istess Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’ – li sa’ mill-bidu tagħha, saħqet u ħadmet fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċessi demokratiċi – mudell li saħansitra wassal sabiex tfal Maltin kienu attivi f’għadd ta’ fora internazzjonali, fosthom fl-Unjoni Ewropea. 

    Bħalissa, fi Brussell, qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tal-Eurochild. Eurochild hija network ta’ organizzazzjonijiet Ewropej li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal – għaqdiet li b’ħidmiethom jassiguraw li lkoll ngħixu f’soċjeta’, li tirrispetta d-drittijiet tat-tfal. Grazzi għall-għerf konġunt tal-membri kollha, li jammontaw għal aktar minn 170-il organizzazzjoni – Eurochild taħdem bi sħiħ sabiex tinfluwenza policies fl-organi ewlenin tal-Ewropa.

    “L-esperjenza tiegħi tul dawn is-sentejn kienet waħda tassew eċċezzjonali. Għalkemm imdejqa li ż-żmien tiegħi bħala membru fil-Kunsill tat-tfal tal-Eurochild wasal fl-aħħar, inħares ‘il quddiem għal opportunitajiet ġodda. Dan kien żmien mill-isbaħ u li m’hu ser ninsa qatt. Ix-xogħol kollhu li ħdimna fuqu b’tant dedikazzjoni u ħeġġa tul dawn is-sentejn, kien biss il-bidu ta’ ħidma li ser tiġi żviluppata b’idejat u proġetti ġodda, kif dejjem xtaqt li jsir, u kif fil-fatt qiegħed isir,” stqarret Sharon Cilia.

    Martina Oliva, membru tal-Kunsill taż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’, u membru tan-National Eurochild Forum, se tkun ir-rappreżentanta Maltija fuq il-kunsill tat-tfal Ewropej fi ħdan il-Eurochild għas-sentejn li ġejjin.

    Martina qalet li tinsab konvinta li Eurochild ser tipprovdilha l-opportunita’ biex tesprimi ruħha u biex taqsam l-opinjonijiet tagħha mal-parteċipanti l-oħrajn. “Jien naħseb li permezz ta’ dan l-iskambju ta’ esperjenzi bejnietna f’dan il-kunsill mhux biss ser inkunu qed ninfluwenzaw lilna nfusna bl-aktar mod pożittiv, iżda wkoll ser jkollna l-opportunita’ sabiex nikbru lkoll flimkien, filwaqt li naħdmu sabiex nilħqu l-miri li dejjem xtaqna nilħqu. Jien nemmen li flimkien ser inkunu nistgħu nħallu impatt pożittiv fuq is-soċjeta’ tagħna, u noħolqu futur aħjar għal kulħadd,” qalet Martina. 

    Il-President Emeritu u Chair tal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’, stqarret kemm hi tassew kburija bit-tfal Maltin u Għawdxin. Hija qalet li tinsab sodisfatta li l-Fondazzjoni kienet pijuniera fl-Ewropa, f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni attiva tat-tfal.

    “Inħares ‘il quddiem għal aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni ma’ għaqdiet u stakeholders Ewropej, sabiex propju fl-okkażjoni tat-tletin anniversarju tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, nassiguraw li t-tfal kollha, huma minn huma, ġejjin minn fejn ġejjin, jkollhom aċċess ekwu għal dak li huwa tagħhom bi dritt,” saħqet il-President Emeritu Coleiro Preca.