“Dejjem flimkien u flimkien mietu biex żgur ma jinfirdux”... ħabiba u kollega ta' Fallon Mallia

    Fuq il-midja soċjali persuna kitbet li ż-żewġ nisa li mietu “dejjem jiġru flimkien u ma joqgħodux mingħajr xulxin. Dejjem flimkien u flimkien mietu.”

    Dan is-sit tkellem ma’ ħabiba u kollega ta’ Fallon Mallia li ilha tafha għal diversi snin. Hija rrakkuntat li kienu jaħdmu fl-istess ward ġo San Vinċenz u ddeskrivitha bħala mara sewwa li taf tħobb ħafna u tgħożż lit-tifel tagħha, fil-fatt kien “il-mimmi t’għajnejha. Dejjem kienet taħseb fejn ħa tieħdu u x’ħa tagħmillu.” Hija kompliet tgħid li Fallon kienet dejjem tiġri m’ommha u “fil-fatt mietu flimkien biex żgur ma jinfirdux.” Il-ħabiba tagħha żiedet tgħid li “bħal din il-ġimgħa min jaf kemm kellha preparamenti għall-festa tal-irxoxt għax kienet tħobbha ħafna din il-festa. Imbagħad ma jonqosx il-festa tar-raħal ta’ Ħaż-Żabbar tal-Madonna tal-Grazzja. Ma rridx ninsa ukoll li min jaf kemm kienet ippreparata li kieku jirbħu l-league l-Liverpool.”

    Bosta ħbieb, kollegi u familjari urew xokk kbir u taw il-kondoljanzi tagħhom speċjalment minn nies ta’ Ħaż-Żabbar. Huma kienu membri ta’ waħda miż-żewġ soċjetajiet mużikali. Fil-fatt, waħda ħabiba ta’ Graziella qalet li se tibqa’ tgħożż il-memorja tagħha meta kienu jitilgħu l-każin biex jistudjaw xi biċċa mużika bħala section tal-karinetti flimkien.

    Oħrajn iddeskrivewhom bħala nisa verament ta’ qalb kbira li kienu jmorru jaraw lil oħthom id-Dar tal-Providenza u qatt ma kienu jfallu Ħadd.

    Oħrajn ħeġġu lill-awtoritajiet sabiex ikun hemm aktar miżuri ta’ sigurtà speċjalment f’dawk it-toroq li bħalissa għaddej xi xogħol fihom. “Issa tal-Balal imiss xi inċident. Nemmen li xogħol għandu jsir imma fi żmien stipulat u jkun hemm naqra sinjali ta’ għajnuna ta’ gwida jgħinu lis-sewwieq,” kitbet persuna fuq il-midja soċjali. Persuna oħra kitbet li wasal iż-żmien li jiħraxu l-pieni għal min isuq bl-addoċċ, fosthom pieni ħorox li jinkludu sentenzi ta’ priġunerija.