Il-Banda San Ġiljan b'serata mużiko-letterarja fil-Knisja Parrokjali ta' Pembroke

    Il-Kumitat tal-Każin Banda San Ġiljan qed iħejji għal-Ġimgħa mqaddsa permezz ta’ Kunċert Mużiko-Letterarju fil-Knisja Parrokjali ta’ Pembroke għada s-Sibt it-13 ta’ April 2019 fis-7:30pm.

    Dan il-kunċert ser ikun wieħed varjat minn xogħlijiet ta’ diversi kompożituri Maltin b’marċi funebri kif ukoll xogħlijiet oħra popolari u ta’ prestiġju li juru espressjoni ta’ kapacita’ li għaliha magħrufa l-Banda San Ġiljan.

    Ser jingħaqdu mal-Banda s-Sopran Raisa Marie Micallef b’xogħolijet interessanti ta’ Lorenc u Verdi fost oħrajn flimkien mal-Klarinettista Jessica Ellul li ser tkun qed tinterpreta x-xogħol mużikali ta’ Freddie Mizzi. Il-Banda ser tkun akkumpanjata wkoll mill-Kor ta’ San Ġiljan taħt it-tmexxija ta’ Pio Dalli. Dan kollu jitwaħħad f’kunċert solidali taħt it-tmexxija tas-Surmast Etienne’ Spiteri. 

    Il-Banda San Ġiljan dejjem fittxet li teżerċita l-għan li għalih ġiet imwaqqfa, għalhekk dan il-Kunċert ser ikompli jservi ta’ tiġdid u tisħiħ ta’ din is-Soċjeta’ li tant hi b’saħħitha mużikalment. 

    Kulħadd mistieden u d-dħul huwa b’xejn. Il-pubbliku ġentilment mitlub ikun bilqiegħda fis-7:15pm.

    Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-paġna ta’ Facebook: Każin Banda San Ġiljan inkella permezz ta’ email fuq: stjband1927@gmail.com