“Iż-żieda fil-mibegħda razzjali dejjem teskala”

    L-attivisti Andre Callus u Roger Tirazona kkonċernati dwar kummenti razzjali; Dr JosAnn Cutajar tgħid li ż-żieda fil-mibgħeda hija marbuta mal-populiżmu…

    Fl-isfond ta’ numru ta’  kummenti razzisti li qed jiċċirkulaw fuq il-midja soċjali u wara li l-Prim Ministru sostna li huwa diżgustat mill-element razzista li jiddomina f’Malta, ħadna l-kummenti ta’ żewġ attivisti, Andre Callus u Roger Tirazona, fejn it-tnejn qablu li kummenti ta’ mibegħda bħal dawn m’għandhomx isiru. Ħadna wkoll il-kumment tal-Lecturer fi ħdan il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali, Dr JosAnn Cutajar, li qalet li żieda fil-mibgħeda fl-imġieba u fil-kliem f’dawn l-aħħar sentejn żdied u dan huwa minħabba l-populiżmu.

    L-attivist fil-Moviment Graffitti Andre Callus ma jiċħadx li l-problema tar-razziżmu hija xi ħaġa preżenti f’Malta. “Il-fatt li ċertu nies jaraw lil ċertu gruppi ibbażati fuq il-kulur tal-ġilda jew il-kultura, jew ir-reliġjoni tagħhom bħala inferjuri jew bħala theddida, jew kummenti bħal ‘żommu d-dgħajjes għax dawn għalikom biex toħorġu minn pajjiżkom’ huma eżempju ċar ta’ urban legends.”

    Kliem ta’ mibegħda hu kundannabbli

    Huwa qal li l-għajdut li bihom intqalu dawn il-kummenti hija fil-biċċa l-kbira tiegħu qlajja li m’għandha l-ebda bażi fil-verità, “bħal qlajja li xi immigranti kienu qed jaħtfu lit-tfal li dan ġie ippruvat iktar minn darba li ma kienx veru. Dawn huma qlajjiet li m’għandhom l-ebda bażi fil-verità iżda jiġu emmnuti għax jirriflettu ċertu anzjetajiet li jkollhom in-nies.”

    Callus spjega li l-ewwel ħaġa li jrid ikun hemm hija d-distinzjoni bejn kliem ta’ mibegħda, li huwa diskors ta’ mibgħeda u ħdura lejn xi grupp partikolari fis-soċjetà, u diskors li jesprimi tħassib. “L-ewwel wieħed, il-kliem ta’ mibegħda, huwa kundannabbli u jagħmel biss ħsara, mhux biss lill-immigranti f’dan il-każ imma anka lilna bħala Maltin għax il-ħdura ma tieqafx għal xi grupp partikolari imma faċilment tinfirex għal gruppi oħra, bħal Maltin vulnerabbli.”

    Callus spjega li fl-istorja dan rajnih biċ-ċar, bħal pereżempju fin-Nazziżmu u l-Faxxiżmu fejn il-gruppi soċjali li spiċċaw fil-mira ta’ din il-mibgħeda kienu bosta u dejjem iktar mifruxa.

    “Min min-naħa l-oħra jesprimi tħassib, hemm hija xi ħaġa differenti. Dan id-diskors wieħed irid jipprova jifmhu u jagħti wkoll risposta għalih,” qal Callus.

    Huwa żied jgħid li jista’ jifhem li bħalissa hawn ċertu tħassib dwar il-barranin. Huwa jemmen li dan mhuwiex tort tal-barranin infushom imma ta’ ekonomija li qed tikber mingħajr kontroll li twassal biex fi żmien qasir jinġiebu hawn Malta għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema barranin, bl-impatt qawwi skont l-istess Callus li dan ikollu fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna kif ukoll fuq pereżempju l-pagi.

    Huwa żied jgħid li “ovjament it-tort mhuwiex tal-barranin bħala individwi imma tal-mudell ekonomiku. Għalhekk id-diskors ta’ ħdura u mibgħeda kontra l-barranin jista’ jkun reazzjoni żbaljata ħafna għal dan kollhu.”

    “Inċidenti fuq il-postijiet tal-kostruzzjoni huma wkoll reati razzisti”

    Il-Lecturer fid-Dipartiment tal-Istudji dwar is-Sessi fi ħdan il-Fakultà għall-Benesseri Soċjali Dr JosAnn Cutajar, qalet li l-qtil li seħħ fi tmiem il-ġimgħa u attentati oħra li saru iżda li l-mezzi tax-xandir ma rrappurtatx dwarhom huma xokkanti. Hija għamlitha ċara li sakemm jinqabad min għamel ir-reat ma nistgħux ngħidu jekk dan kienx att ta’ mibgħeda fuq bażi ta’ razzi jew hemmx xi raġuni oħra, minkejja li kulħadd qiegħed jassumi li huwa att ta’ mibgħeda razzista.

    Hija qalet li għaliha l-inċidenti li qed isiru kważi ta’ kuljum fuq il-postijiet tal-kostruzzjoni huma wkoll reati razzisti. “Il-fatti juru li mhumiex jistmaw lill-ħaddiema, forsi għaliex il-maġġoranza tal-ħaddiema ġejjin minn postijiet anqas żviluppati minn Malta, li għalija mhux argument li jreġġi.  Ix-xogħol li jagħmlu dawn mhux stmat hawn Malta u qed jiġu mpjegati f’setturi fejn il-paga hi baxxa, u hemm il-periklu li jweġġghu jew imutu fuq il-post tax-xogħol kull meta il-prekawzjonijiet meħtieġa ma jittieħdux.”

    Mistoqsija jekk tarax żieda fil-mibgħeda fl-imġieba u fil-kliem, Dr Cutajar qalet li f’dawn l-aħħar sentejn żdied u dan huwa minħabba l-populiżmu. “Il-populiżmu huwa moviment soċjali li kiber sewwa fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq tul l-aħħar sentejn.  Il-populiżmu jista’ jintuża bħala strateġija mill-klassi politika.  Dan qed jiġri bħalissa fil-battibekk li qed naraw bejn il-gvern Malti u dak Taljan meta l-vapuri bl-immigranti mhux dejjem qed jitħallew jidħlu Malta jew l-Italja.  Dan għalija huwa messaġġ li forsi għal xi nies jiġġustifika atti jew kliem ta’ mibgħeda fuq bażi ta’ razza.”

    Dr Cutajar tgħid ukoll li l-fatt li dawn l-aħħar sentejn kien hemm żieda fenomenali fis-suq tal-propjetà u l-kera l-anqas mhu qed jgħin.  Skont Cutajar, dan qiegħed ikabbar il-firda bejn in-nies lokali u l-barranin.  “Il-Maltin mhumiex qed jikkumbattu mal-‘barranin’ għax-xogħol, iżda għal saqaf diċenti fuq rashom.  Il-biċċa hi li min qed jispiċċa fil-mira ta’ atti ta’ mibgħeda huma l-grupp ta’ nies li l-anqas li għandhom flus hawn Malta u l-aktar li qed jiġu affetwati b’din iż-żieda fis-suq tal-propjetà,” temmet tgħid.

    Dr Cutajar tkellmet ukoll dwar id-differenza bejn hate speech u hate crime. Hija qalet li hate speech iseħħ meta xi hadd bil-kliem jew bil-kitba jgħajjar jew jhedded lil xi ħadd fuq bażi ta’ razza, twemmin, orjentazzjoni sesswali, u/jew regjun f’Malta.  Hate crime huma atti li jinvolvu vjolenza fuq nies li huma meqjusa differenti fuq bażi razzjali, twemmin, bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, u oħrajn. Tista’ tkun ukoll nuqqas ta’ azzjoni meta dawn il-gruppi jew individwi huma b’xi mod mhedda.

    “Ir-razziżmu juri nuqqas fis-sistema edukattiva”

    “Il-mibgħeda razzista f’Malta hija parti nuqqas fis-sistema edukattiva tagħna għal dawn l-aħħar 40 sena.” Sostna dan fuq il-Facebook Roger Tirazona, għalliem tal-Etika u Umanist li fl-opinjoni tiegħu f’Malta hawn wisq enfasi fuq l-idejat foloz tal-patrijottiżmu u identità mentri ftit li xejn favur iċ-ċittadinanza globali.

    Fil-kumment tiegħu Tirazona jistaqsi fejn hi l-edukazzjoni dwar l-Olokawst. Huwa qal li l-edukazzjoni għad-diversità kienu fil-kurrikulu tal-1998 u l-2012 iżda, “kemm fil-verità dawn ġew implimentati sew meta l-iskejjel għandhom jikkonsidraw studenti li ma jikklassifikawx eżattament mal-identità sterjotipika Maltija, bħala barranin?”

    Tirazona jistaqsi x’wieħed jista’ jagħmel meta xi għalliema jkunu fuq il-mezzi soċjali bħala membri attivi ta’ gruppi tal-lemin estrem b’retorika ta’ nazzjonaliżmu estrem?

    Bħala kummenti għal dan li kiteb Tirazona kien hemm min qal li hemm għalliema wisq konservattivi b’moħħhom magħluq tant li wieħed jibda jaqta’ qalbu. Sarkastikament kien hemm min qal li meta jisimgħu ċerti għalliema jitkellmu jkun hemm bżonn li jiċċekkjaw jekk d-data hiex dik preżenti tal-2019 jew inkella marru lura għall-1950.

    Tirazona kkundanna kummenti razzisti fosthom ta’ dak li qal li jrid jitma’ lill-immigranti lill-klieb il-baħar, oħrajn li qalu li huma fitti, li l-immigranti ġejjin mill-ispazju mentri kumment ieħor kien li, ‘m’għandniex x’nambuhom” u li għandhom jintbagħtu lura f’pajjiżhom għax hemm il-biża’ li jibqgħu ġejjin issa li riesaq is-sajf.