Aġġornata: Li x'aktarx se jogħlew il-liċenzji kien l-artiklu tal-1 ta' April ta' inewsmalta

    Aġġornata: Taħlita ta' reazzjonijiet segwew l-artiklu ppublikat aktar kmieni dalgħodu. M'għandniex xi ngħidu bosta kienu dawk li ntebħu li din kienet ċajta, iżda oħrajn kienu dawk li nħasdu b'din l-aħbar. Inewsmalta tikkjarifika qabel jispiċċa l-jum li dan l-artiklu kien l-artiklu magħżul bħala ċajta u naprezzaw li ħafna kienu dawk li komplew magħna. Grazzi lill-qarrejja kollha ta' dan is-sit u l-lejl it-tajjeb.

    Qabel: Rapport li għandu f'idejh il-Gvern jissuġġerixxi li l-liċenzja tas-sewqan tal-karozzi l-kbar tirdoppja biex tiskoraġixxi lin-nies milli jużawhom u b'hekk tkun qed tiġi indirizzata aħjar il-problema tat-traffiku.

    L-istess rapport, li sar minn grupp ta' esperti lokali bil-għajnuna ta' oħrajn barranin, iħeġġeġ lill-Gvern biex fl-istess waqt inaqqas dik tal-karozzi ż-żgħar, speċjalment dawk 'two-seaters', u anke dik tal-muturi kemm jekk 'scooters' imma anke muturi akbar.

    Ir-rapport jissuġġerixxi wkoll li l-liċenzja tal-muturi ż-żgħar, jiġifieri l-'scooters', tkun miftuħa wkoll għal żgħażagħ ta' 16-il sena meta s'issa qiegħda 18-il sena. Dan f'tentattiv li inqas żgħażagħ jixtru karozza.

    Konxji li l-Gvern ma jridx idaħħal kwoti fuq il-karozzi fit-triq, l-esperti qed jissuġġerixxu wkoll li tal-inqas l-parkeġġi pubbliċi jsiru bi ħlas u dan ikun għoli biex jiskoraġixxi l-użu tagħhom.

    Kelliem għall-Gvern qal lil dan il-ġurnal li l-Gvern lest jikkunsidra li togħla l-liċenzja tal-karozzi l-kbar u li żgħażagħ ta' 16-il sena jsuqu 'scooters imma mhux tal-ħlas għall-parkeġġi pubbliċi imma mhux mistenni jiddeċiedi qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.