150 terapisti barranin imwissija wara li qalu li sabu l-kura għall-awtiżmu

    Mal-150 terapisti barranin għadhom kemm irċevew avviżi ta’ inforzar wara li qalu li sabu kura għall-awtiżmu. Dawn qegħdin jingħataw twissija li dawn il-metodi mhumiex xjentifikament kredibbli u jistgħu jagħmlu ħsara lit-tfal. 

    L-Awtorità dwar l-Istandards tar-Reklamar qalet li l-allegazzjonijiet li t-terapija CEASE (Complete Elimination of Autistic Spectrum Expression) tista’ tikkura din il-kundizzjoni hi waħda ta’ tħassib serju u għandha tieqaf. Din it-terapija suppost tinvolvi t-tneħħija ta’ marki tossiċi li jiġu kkawżati minn vaċċini, medikazzjonijiet u sustanzi oħra u xi mard. 

    Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Guy Parker qal li dawn l-allegazzjonijiet m’għandhomx kredibbiltà xjentifika u tmur kontra l-linji gwida tal-NHS. Wissa wkoll li l-iskoraġġiment milli jingħataw l-vaċċini lit-tfal jista’ jwassal għal konsegwenzi li jaffettwaw, ibiddlu u anke jtemmu l-ħajja. Barra minn hekk, overdose tal-vitamina Ċ jista’ jirriżulta f’diarrhoea, nausea, ramettar u uġigħ fl-istonku, l-aktar fit-tfal li jiġu affettwati b’mod iktar sever. 

    Parker qal li hu ta’ diżappunt li hemm ftit wisq kontrolli biex persuna ssir terapista CEASE, b’diversi websajts li jippromwovu korsijiet ta’ taħriġ li jdumu minn tlieta sa ħamest ijiem. Wara dawn il-ġranet, persuna ssir “kwalifikata” biex tagħti dan it-trattament, mingħajr imqar tiġi ċċekkjata.