Estiż is-servizz tal-assistenza legali b’xejn

    Permezz ta’ avviż legali li ddaħħal fis-seħħ illum, Malta qiegħda timplimenta l-obbligu tagħha, sabiex tkun konformi mal-ligijiet Ewropej u internazzjonali li tipprovdi u tassigura għajnuna legali b’xejn f’tilwimiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment b’konnessjoni ma’ Malta marbutin mat-tħaddim tad-dispożizzjonijiet dwar ir-Regolament tal-Kunsill numru 4/2009 u tal-Konvenzjoni tal-Aia (Hague Convention), ta’ ċittadini li jiġu minn pajjiżi differenti.

    Kull stat membru tal-Unjoni Ewropea għandu l-obbligu li jimplimenta dan ir-Regolament u għalhekk iċ-ċittadini Maltin se jkunu eliġibbli huma wkoll li jibbenefikaw mill-istess benefiċċju u l-istess drittijiet fiż-żona Ewropea. 

    “Qabel dan l-intervent legali, kien qed ikollna ċirkostanzi fejn l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta ma kinitx qiegħda tkun f’pożizzjoni li tipprovdi assistenza legali b’xejn lill-individwi li jkunu nvoluti fi kwistjonijiet ta’ tilwima transkonfinali fuq manteniment”, stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

    “Għalhekk, bil-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviz legali, dan il-Gvern ser jestendi s-servizzi tal-għajnuna legali b’xejn fir-rigward ta’ tilwimiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment b’konnessjoni ma’ Malta, ta’ ċittadini li jiġu minn pajjiżi differenti għal kwalunkwe applikant, sew li jkun qiegħed juża l-liġi Ewropea jew il-Konvenzjoni tal-Aia dwar il-manteniment, sabiex b’hekk ikun assigurat aċċess ġust, ekwu u ugwali lil kulħadd għall-ġustizzja”, kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

    Dan il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli bir-riformi legali pożittivi sabiex bħala pajjiż inkunu dejjem f’pożizzjoni li nipprovdu servizzi ġusti, trasparenti, effettivi, mhux diskriminatorji u responsabbli, li jippromwovu l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd. B’hekk, ir-rule of law u d-drittijiet tal-bniedem, jibqgħu jiġu ssalvagwardjati.