Eluf jevakwaw bħala prekawzjoni minħabba nirien qawwija fi New Zealand

    Eluf ta’ persuni ġew evakwati mill-belt ta’ South Island fi New Zealand, filwaqt li għadd ta’ pumpiera intervjenew f’ġirja kontra l-ħin biex jikkontrollaw in-nirien fil-foresti milli jkomplu jinfirxu.

    Il-pumpiera qegħdin jagħmlu użu minn żewġ ajruplani u 23 ħelikopter biex jissieltu kontra n-nirien bil-għan li dawn ma jibqgħux jinfirxu fuq aktar foresti.

    L-awtoritajiet ta’ New Zealand qalu li n-nar beda sitt ijiem ilu viċin il-belt ta’ Nelson, u nfirex tant li l-belt ta’ Wakefield ukoll tinsab f’periklu. 

    Din li qiegħda titqies l-agħar sitwazzjoni ta’ nirien fil-foresti fil-pajjiż mill-1995 wasslet biex ġie ddikkjarat stat ta’ emerġenza, b’madwar 3,000 persuna kellhom jabbandunaw djarhom fid-distrett ta’ Tasman.