Wieħed mill-aktar Ingliżi mfittxijin mill-Pulizija Brittanika għandu kuntatti ma' Malta

    Wieħed mill-iktar Ingliżi mfittxijin mill-Pulizija tar-Renju Unit għandu kuntatti ma' Malta.

    Christopher Guest More qed jiġi mfittex b'rabta mal-qtil ta' raġel f'Cheshire lura f'Ġunju 2003.

    Il-Pulizija Ingliża temmen li More kien wieħed minn grupp ta' ħallelin li daħlu f'dar u wara li l-ħames persuni li kien hemm fiha rrifjutaw li jagħtuhom il-flus ħebbew għalihom b'wieħed minnhom imut fuq il-post.

    Numru ta' kompliċi diġa ġew arrestati imma fl-istess xahar tal-inċident More ħarab mir-Renju Unit.

    Il-Pulizija qed tissuspetta li telaq lejn Spanja imma mill-informazzjoni li għandha jirriżulta li huwa għandu wkoll kuntatti f'Malta u għalhekk mhux teskludi li jista' jkun ġie f'pajjiżna wkoll.

    In-National Crime Agency inkludiet lil More fil-lista tal-iktar 10 persuni mfittxijin bħalissa u qed tappella lil min għandu informazzjoni dwaru biex jikkuntattja lill-Pulizija.