Malta se tospita lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Qafas ta’ Djalogu 5+5 tal-pajjiżi tal-Mediterran tal-Punent

    Malta se tospita l-ħmistax-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi li jiffurmaw parti mill-qafas ta’ djalogu 5+5 tal-Mediterran tal-Punent. Din il-laqgħa se ssir bejn is-17 u t-18 ta’ Jannar 2019 bit-tema ‘Working Together: A Sustainable Future for the Western Mediterranean’. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar din il-laqgħa Ministerjali.

    Il-Proċess 5+5 jikkonsisti f’ħames pajjiżi Ewropej mill-Mediterran tal-Punent (Malta, l-Italja, Franza, Spanja u l-Portugall) u ħames pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq mill-istess reġjun (il-Libja, it-Tuneżija, l-Alġerija, il-Marokk, u l-Mauritania).

    Il-Ministru Abela ddikjara li l-Mediterran jibqa’ fil-qofol tar-relazzjonijiet barranin ta’ pajjiżna bl-għan li jiġu ggarantiti l-paċi, l-istabbiltà, u futur sostenibbli għar-reġjun. Il-Ministru Abela qal li l-għan tad-Djalogu 5+5 huwa li jassigura kooperazzjoni eqreb bejn il-pajjiżi Ewropej tan-Nofsinhar u l-pajjiżi tal-Magreb. 

    Il-laqgħa ministerjali li se ssir f’Malta se tipprovdi opportunità biex ikun hemm diskussjonijiet u skambji ta’ opinjonijiet dwar materji ta’ importanza komuni bħas-sitwazzjoni fil-Libja, il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani, it-tibdil fil-klima, u l-migrazzjoni.

    Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u l-kapijiet tad-delegazzjonijiet li se jattendu se jkollhom ukoll laqgħa ma’ żgħażagħ li se jkunu qed jipparteċipaw f’seminar organizzat mill-Fondazzjoni Anna Lindh, li huwa kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. 

    Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà / il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea,  is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tal-Magreb Għarbi, il-President tal-Fondazzjoni Anna Lindh, is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, kif ukoll il-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran se jingħaqdu mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin bħala osservaturi. 

    Qabel il-laqgħa ministerjali 5+5 se ssir laqgħa tal-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi li jagħmlu parti mill-Proċess. Din se ssir fis-17 ta’ Jannar u se tiġi organizzata mill-Parlament Malti.