X’hemm komuni bejn il-FIFA u l-Vatikan?

    M’għandniex dubju li kif taraw dan it-titlu se tistaqsu imma x’jista’ hemm komuni bejn il-FIFA u l-Vatikan? X’jista’ jkun hemm komuni bejn organizazzjoni li tmexxi l-logħba tal-futbol u l-Vatikan li hu stat li jmexxi r-reliġjon Kattolika?

    Jekk wieħed janalizza fil-fond u jgħarbel sew isib li hemm ħafna affarijiet simili. L-ewwelnett ftit huma l-attivitajiet umani li jqajjmu passjoni daqs kemm tqajjem il-logħba tal-ballun u r-reliġjon.

    Bil-Kristjaneżmu meqjus bħala waħda mill-akbar reliġjonijiet fid-dinja, il-logħba tal-ballun għandha l-akbar ammont ta’ sostenturi mil-logħob kollu tal-isports. Issa il-Vatikan imexxi r-reliġjon Kattolika waqt li l-FIFA tmexxi l-logħba tal-futbol. Jekk nieħdu l-eżistenza tagħhom naraw li l-Vatikan  hu stat sovran li ilu diversi sekli mwaqqaf, waqt li l-FIFA twaqqfet fl-Isvizzera  ftit aktar minn mitt sena ilu.

    Is-similaritajiet bejn il-Vatikan u l-FIFA… in-nisa ma ssibhomx fit-tmexxija

    Xi ħaġa komuni bejniethom hi dik li tnejn li huma meqjusin bħala istituzzjonijiet Ewropej, li imma ħafna minn dawk li jappoġġjawhom jew isegwuhom ġejjin minn pajjiżi li għadhom mhux żviluppati. Xi ħaġa komuni oħra hi dik li kemm fil-FIFA u kemm fil-Vatikan, mhux se ssib il-preżenza femminili fit-tmexxija.

    Jikkontrollaw riżorsi finanzjarji kbar

    Kemm il-FIFA kif ukoll il-Vatikan jikkontrollaw riżorsi finanzjarji kbar. Jekk nieħdu l-Vatikan naraw li dan għandu wirt artistiku u proprjetajiet li ma jispiċċaw qatt.  Ħafna mid-dħul tiegħu jiġi minn investimenti, kirjiet ta’ proprjetà u donazzjonijiet minn individwi, djoċesi u istituzzjonijiet oħra. 

    Fejn jidħlu l-finanzi tal-Vatikan hemm nuqqas kbir ta’ trasparenza. Per eżempju minn żmien għal żmien jinħarġu rapporti dwar il-baġit ta’ djoċesi Kattoliċi f’xi post jew ieħor. Kien inħareġ rapport investigattiv dwar il-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti fejn kien intqal li din għandha baġit ta’  $170 biljun, b’ħafna minnu jmur għand organizazzjonijiet tal-karita.

    Jekk nieħdu l-FIFA, naraw li ħafna mid-dħul tagħha jiġi mid-drittijiet televiżivi, bejgħ ta’ biljetti u souvenirs u investimenti  Bejn is-sena 2015 u s-sena 2018 dan id-dħul kien jammonta għal $5.5 biljun.

    Fl-aħħar snin spiċċaw f’kontroversji jaħarqu

    Fis-snin li għaddew kemm il-Vatikan kif ukoll il-FIFA sabu ruħhom f’kontroversji jaħarqu.  F’Mejju tas-sena 2015, għadd ta’ pulizija daħlu fil-Baur au Lac, li hi lukanda lussuża fi Zurich.  F’din il-lukanda issir il-laqgħa annwali għall-uffiċċjali tal-FIFA.  Seba’ membri kienu arrestati. 

    Jgħaddu ftit xhur u jsir rejd ieħor  Din id-darba kien fis-6 ta’ Diċembru tal-istess sena  meta l-Pulizja reġgħu marru fil-Baur au Lac u arrestaw aktar membri tal-FIFA. Il-Pulizija li wettqu ir-rejds kienu Svizzeri imma huma kienu qed jaġixxu fuq talbiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti. Filfatt l-FBI kienet qed tinvestiga allegata korruzzjoni fil-FIFA għal xejn inqas minn tlett snin. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti kien qed jakkuża lill-FIFA b’korruzzjoni sistematika.  L-allegazzjonijiet kienet li kien hemm uffiċjali li allegatament kienu qed jirċievu pagamenti basta jivvotaw favur pajjiż fit-tentattivi tiegħu li jorganizza it-Tazza tad-Dinja.

    Fuq inizjativa tal-Avukat Ġenerali New York, l-FBI u aġenziji oħra tal-Gvern fl-Istati Uniti, diversi uffiċjali tal-FIFA kienu estraditi lejn l-Istati Uniti u ttieħdu proċeduri kontrihom.

    Dan wassal biex diversi pajjiżi jibdew huma ukoll l-investigazzjonijiet tagħhom.

    Li kien hemm sorprendenti kien dak li dawk spiċċaw jikkonfrontaw l-allegata kultura ta’ korruzzjoni fil-FIFA, kienu prosekuturi, maġistrati u aġenziji tal-infurzar tal-Istati Uniti, pajjiż fejn il-futbol mhux b’saħħtu daqs pajjiżi tal-Amerika t’Isfel jew l-Ewropa.

    Il-Vatikan ukoll bil-problemi tiegħu

    Minn naħa l-oħra il-Vatikan ukoll għandu l-problemi legali tiegħu, li huma magħrufin sew.  Waqt li l-FIFA kienet involuta f’korruzzjoni finanzjarja, fil-knisja Kattolika l-iskandli huma dawk ta’ abbużi sesswali fuq tfal.  B’mod kontinwu u tista’ tgħid madwar id-dinja kollha, komplew ħerġin każijiet ma jaqtgħu xejn ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru fuq tfal.

    Kemm il-Vatikan u kemm il-FIFA għandhom storja twila ta’ aġir mhux aċċettabbli minn xi membri tagħhom. It-tnejn li huma ukoll għandhom ukoll storja twila fejn il-problema mhux talli ma irrikonoxxewhiex imma kienu jiċħduha.

    L-istess kif ġara fil-każ tal-FIFA, kienu l-awtoritajiet fl-Istati Uniti li b’mod aggressiv ħafna ikkonfrontaw u ġġieldu l-abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika.

    Fi 15-il stat fl-Istati Unii bdew investigazzjonijiet kriminali estensivi dwar allegati abbużi sesswali.  Dan b’kuntrast ma’ x’qed jiġri fl-Ewropa, fejn ir-reliġjon Kattolika hi dominanti. Fl-Ewropa is-silenzju baqa’ in-norma, għalkemm kollox qed jindika li dan se jibda jinbidel.

    Jekk ikollna nieħdu l-Knisja Kattolika fi Spanja naraw li skont rapporti  li nħarġu jingħad li kien hemm 33 deċiżjoni kontra qassisin fl-aħħar tletin sens għal abbuż fuq xejn inqas minn 80 minuri. Is-sentenzi kienu jvarjaw sa massimu ta’ 21 sena ħabs.  Xi wħud mis-sentenzi kienu jinkludu kumpens lill-vittmi ta’ bejn €1,200 u €70,000.

    Fi Spanja hemm 23,000 parroċċa u 18,000 qassis. Is-sentenzi tal-ġudikaturi fuq pedofeli jaffettwa 0.2 fil-mija qassisin. F’nofs id-deċiżjonijiet, il-vittmi kienu rrappurtaw l-abbuż lill-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika u wara li raw li ma kellhomx rispons daru lejn il-qrati.