Delia jgħid li l-PN m'għandux is-saħħa tal-flus u li hemm bżonn li aktar persuni jingħaqdu ''kontra dan il-gvern korrott''

    "Meta l-verità u t-tama jkunu mhedda joħorġu jitkellmu u jersqu 'l quddiem dawk kollha li jixtiequ u jemmnu fis-sewwa u d-demokrazija. Dawk li jridu leħen ġenwin li jitkellem għalihom se jsibu lill-Partit Nazzjonalista.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għall-attivisti u l-volontiera tal-partit li saret ilbieraħ filgħaxija. 

    Delia qal li matul il-ġranet tal-Milied deher ċar li b'mod malizzjuż bdew l-attakki kontrih u kontra l-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li minflok ħarab minn dan kollu mar jiltaqa' u jitkellem man-nies, ma dawk li m'għandhomx saqaf fuq rashom, li m'għandhomx x'jieklu u dawk li jinsabu fis-solitudni u tgħallem x'inhu l-veru messaġġ tal-Milied. Adrian Delia rringrazzja lil dawk kollha li urew l-appoġġ lilu u l-familja tiegħu.

    Delia qal li l-PN huwa l-partit tas-sewwa, tat-tolleranza u li jemmen li m'għandux għalfejn ikun korrott. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista m'għandux is-saħħa tal-flus, iżda għandu s-saħħa tal-konvinzjoni u tad-determinazzjoni. Huwa stieden lil kull min għandu rieda tajba biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista sabiex ikun hawn oppożizzjoni b'saħħitha "kontra dan il-Gvern korrott." 

    Huwa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jgħin lil min sejjer tajjeb fis-soċjetà u jagħti l-appoġġ u jgħin ukoll lil dawk li ma rnexxewx, lil min jinsab fil-faqar finanzjarju, lill-pensjonanti sabiex jgħixu ħajja diċenti u lid-dgħajfin u l-batuti.