Riżerva baxxa ta’ demm li tinħtieġ attenzjoni u azzjoni immedjata

    Bħal ma jaf kulħadd il-kampanja għall-għoti tad-demm f’pajjiżna għaddejja s-sena kollha, dejjem bil-għan li r-riżerva tad-demm tkun adekwata għall-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex. Minkejja dan kollu, minn żmien għall-ieħor din tinżel b’tali mod li tkun trid attenzjoni u azzjoni immedjata biex terġa’ titla’ malajr, b’hekk l-operazzjonijiet skedati kif ukoll trattamenti oħra jkunu jistgħu jitkomplew mingħajr skossi.

    Ir-realtà attwali hi li r-riżerva tad-demm, speċjalment tal-gruppi, tal-gruppi O u A negative mhix tajba!

    Għaldaqstant il-midja, speċjalment il-preżenturi huma mitluba biex iħeġġu kemm jista’ jkun lill-pubbliku biex jersaq u jagħti d-demm, u minnaħa l-oħra l-pubbliku nġenerali hu mistenni biex kemm jista’ jkun jagħti widen għal din is-sejħa. 

    B’rabta ma’ dan dawk li jixtiequ jikkoperaw u jridu jagħtu d-demm huma mitluba biex jersqu:

    -fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM mit-8:00am sas-6:00pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm).

    -fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 11 ta’ Novembru mit-8:30am sas-1:00pm (l-aħħar dħul fis-1:00pm) ser ikun fil-pjazza ta’ maġenb il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.

    -fil-Berġa l-ġdida tax-Xewkija f’Għawdex li nhar il-Ħadd 11 ta’ Novembru  ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar dħul fis-1:00pm).

    Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.