Festa ta’ Inbid u Ikel Malti f’Ħal Ghaxaq.

    Wara s-suċċess ta’ dawn l-aħħar sentejn l-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq ser ittella’ Maltese Food & Wine Festival f’Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgħa 14 u s-Sibt 15 ta’ Settembru mis-7 ta’ filgħaxija l’ quddiem.

    Waqt dan il-Festival ser ikun hemm varjetà ta’ platters b’ikel tipikament Malti fosthom laħam taż-żiemel, fniek, majjal, bebbux, arjoli, bigilla, ġbejniet t’Għawdex, zalzett tal-malti, imqaret u ħafna iktar. Dawk kollha li jattendu ħa jkollhom għazla sħiħa ta’ ikel min fejn jagħżlu fejn żgur li se jintlaqtu l-gosti ta’ kulħadd, bl-unika limitazzjoni tkun li l-ikel kollu servut se jkun ikel Malti.

    Platt ikel Malti ma jkunx komplut jekk miegħu ma tixrobx daqsxejn inbid tajba u waqt dan il-Festival se jkun hemm varjetà kbira t’inbid Malti, prodott min Delicata Winery, minn fejn wieħed jista’ jagħzel skont il-preferenza tieghu. B’ kollox se jkun hemm madwar 14-il tip differenti t’inbid minn fejn tagħzel.

    Minbarra l-ikel u l-inbid li wieħed jista’ jgawdi waqt dan il-Festival se jkun hemm ukoll stands bi prodotti tal-ikel magħmula lokalment. Dawk kollha li jattendu se jkunu jistgħu jduqu u jixtru biex igawduhom fi djarhom. Din l-attività ser issir fi Pjazza Santu Rokku ġewwa Ħal Għaxaq, fejn hemm spazju tajjeb ħafna biex wieħed jiġi u minbarra li jgawdi l-ikel u l-inbid jitpaxxa bid-divertiment lokali li se jkompli jpaxxi l-widna ta’ dawk li jattendu. Fost il-mistednin speċjali għal dan il-Festival hemm il-grupp The Crowns u d-dwett Xarulu.

    Barra dawn ġew mistiedna wkoll gruppi ta’ folklor Malti li żgur ser jagħtu laqta tradizzjonali lil din l-attività. Din l-attività qiegħda tigi mtella' bl-ghajnuna tal-Kunsill Malti ghall-Arti u l-LESA. Biex iżżomm ruħek aġġornat bl-aħħar informazzjoni dwar din l-ewwel edizzjoni tal-Festival tal-Inbid u l-Ikel Malti inħeġġuk tidħol fil-paġna ta’ Facebook Maltese Food & Wine Festival li tiġi aġġornata kuljum b’dettalji ġodda dwar din l-attività li mhux ta’ min titlifha.