Tingħalaq it-triq mill-Marsa Ħamrun Bypass għall-Imrieħel

    Infrastructure Malta ser tagħlaq it-triq li tgħaqqad il-Marsa-Ħamrun Bypass mal-Imrieħel Bypass, bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, 10 sal-15 ta’ Settembru, sabiex tinbena mill-ġdid bħala parti mill-aħħar xogħlijiet tal-proġett tat-twessigħ tal-istess Marsa-Ħamrun Bypass.

    Din it-triq, li tintuża biex meta tkun għaddej mill-Marsa-Ħamrun Bypass, mid-direzzjoni tal-Masra, iddur lejn l-Imrieħel Bypass fid-direzzjoni ta’ Ħ’Attard, jeħtieġ tingħalaq għal ftit jiem sabiex tinbena b’pedamenti u asfalt ġodda. Minħabba f’hekk, il-karreġġjata fid-direzzjoni tat-tramuntana tal-Marsa-Ħamrun Bypas ser tidjieq għal korsija waħda biss, li tagħti għall-mini ta’ Santa Venera lejn l-Imsida u San Ġiljan.

    Filwaqt li din it-triq ser tkun magħluqa, meta tivvjaġġa minn nofsinhar tal-pajjiż lejn Ħ’Attard, Ħal Balzan, ir-Rabat, il-Mosta u lokalitajiet oħra fl-istess direzzjoni jeħtieġ tuża r-rotot alternattivi billi tgħaddi minn Ħal Qormi u Ħaż Żebbuġ. Tabelli mwaħħlin mal-ġnub tat-toroq qed jitwaħħlu fl-inħawi kollha matul il-karreġġjata mill-Marsa lejn Santa Venera, fi Triq Aldo Moro, Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass, sabiex jiggwidaw lill-pubbliku lejn ir-rotot alternattivi.

    Infrastructure Malta qed tikkordina dawn ix-xogħlijiet mat-taqsima tal-immaniġġjar tat-traffiku ta’ Transport Malta u mal-Pulizija, sabiex ikun hemm għadd ta’ uffiċjali f’dawn l-inħawi biex jgħinu u jiggwidaw lil dawk li jkunu għaddejjin mit-toroq milquta. Uffiċjali oħra ta’ Transport Malta u tal-Pulizija ser ikunu stazzjonati f’postijiet differenti fir-rotot alternattivi, fosthom il-Gudja, Ħal Luqa, Ħal Qormi u Ħaż Żebbuġ, sabiex jiżguraw li dawn it-toroq ma jkunux imxekkla b’xi diffikultà.        

    Fl-istess waqt, matul il-ġimagħtejn li ġejjin, Infrastructure Malta ser tkun ukoll qed twettaq xogħlijiet oħra matul il-lejl, sabiex tlesti l-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass, kif ukoll proġett ieħor imniedi aktar kmieni dan is-sajf sabiex jitjiebu l-konnessjonijiet bejn Triq Aldo Moro (l-inħawi tal-fabbrika tas-sulfarini), Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass. Dawn ix-xogħlijiet, fosthom il-kisi tal-aħħar saffi ta’ asfalt fit-toroq li tranġaw, ikunu jeħtieġu xi għeluq ta’ korsiji matul il-lejl. Meta tgħaddi minn dawn l-inħawi jeħtieġ issegwi d-direzzjonijiet għal rotot alternattivi, immarkati b’tabelli mal-ġnub tat-triq. Il-korsiji li jkunu magħluqin bil-lejl minħabba x-xogħlijiet ser jerġgħu jinfetħu kull filgħodu qabel is-sitta (0600hrs). 

    Il-ħidma fil-Marsa-Ħamrun Bypass, li bdiet aktar kmieni din is-sena, tinkludi l-bini mill-ġdid ta’ din it-triq arterjali b’erba’ korsiji, sabiex titwessa b’żewġ korsiji ġodda, waħda kull naħa. Waħda minn dawn iż-żewġ korsiji ser tneħħi x-xkiel hekk kif toħroġ mill-mini ta’ Santa Venera, fid-direzzjoni lejn il-Marsa. Bħalissa żewġ korsiji li joħorġu minn taħt il-mina jidjiequ għal korsija waħda, sitwazzjoni li toħloq ħafna diffikultajiet għal dawk li jkunu sejrin lejn in-nofsinhar tal-pajjiż. In-naħa l-oħra, fil-karreġġjata li mill-Marsa u Ħal Qormi twassal għall-mini ta’ Santa Venera u l-Bypass tal-Imrieħel, il-korsija ġdida li ser tiżdied b’dan il-proġett ser twassal biex minn Ħal Qormi tibqa’ għaddej dritt lejn l-Imrieħel mingħajr il-bżonn li taqleb minn korsija għal oħra. Dan ifisser inqas riskji ta’ aċċidenti. 

    Il-proġett tal-Marsa-Hamrun Bypass, li jista’ jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, kien oriġinarjament ippjanat li jitlesta f’April tas-sena d-dieħla. Madankollu, Infrastructure Malta żiedet ir-riżorsi sabiex tkun tista’ tlestieh qabel u tiftaħ is-sitt korsiji ġodda għal dawk li jgħaddu minn dawn l-inħawi aktar tard dan ix-xahar.

    Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew info.im@infrastructuremalta.com.