Il-Papa mħeġġeġ biex “tolleranza zero” ma jibqax biss slogan

    Il-Papa Franġisku jeħtieġ proċess dixxiplinarju effettiv għal isqfijiet u membri tal-kleru li ppermettew abbużi sesswali fuq it-tfal. Hekk saħqet Anne Barrett Doyle, li tikkampanja kontra l-abbuż minn membri tal-kleru.

    Doyle, li hija l-ko-direttriċi tas-sit Bishop-Accountability.org – grupp ta’ riċerka li jirrintraċċa klażi ta’ abbużi minn membri tal-kleru madwar id-dinja kollha, qalet dan waqt li kienet f’Dublin biex tniedi l-ewwel database li ssemmi ’l fuq minn 80 membri tal-kleru Irlandiż li nstabu ħatja  b’abbużi sesswali fuq tfal fl-Irlanda.

    Waqt konferenza tal-aħbarijiet hija żvelat kif hemm 1,331 qassis Irlandiż, reliġjużi u sorijiet li qed jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali fil-konfront tagħhom.

    B’kollox kienu ġew rapportati 3,394 allegazzjoni ta’ abbuż sesswali, madankollu kienu biss 82 membru tal-kleru li nstabu ħatja li wettqu tali reat.