Il-Prof. Everaldo Attard: “Jekk il-biedja tinqered minn pajjiżna nkunu tlifna s-sigurtà tal-ikel”

    Il-bidja f’Malta huwa settur importanti ħafna f’pajjiżna u għalhekk id-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq (MSD) fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) jagħmel verifiki fuq bażi regolari tal-livell ta’ pestiċide li jinsab fil-frott u l-ħxejjex kif ukoll fi prodotti li joriġinaw mill-annimali li jitpoġġew fuq is-suq Malti.  Dan il-monitoraġġ huwa bbażat fuq programm maħruġ mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). 

    Tkellimna ma’ Prof. Everaldo Attard li jmexxi d-Diviżjoni tas-Sistemi ta' Xjenzi Rurali u Ikel fi ħdan l-Institute of Earth Systems l-Università ta’ Malta.

    Attard qal li “f’diversi laqgħat li kelli mal-bdiewa kemm personalment kif ukoll bħala membru tal-Hub Nazzjonali għar-Riċerka Etnobotanika, ħarġet diversi drabi li għalkemm il-bdiewa jiffaċjaw diversi problemi ta' mard fit-tkabbir tal-prodott tagħhom, xorta waħda hum kawti meta jiġu biex jużaw il-bexx fuq il-prodotti.”

    Huwa spjega li dan jsir għal diversi raġunijiet fosthom, is-saħħa tagħhom u tal-klijenti, il-prezz għali tal-bexx, li jistgħu jinqabdu kif ukoll publiċità negattiva dwar il-bdieja lokali. “Madanakollu, il-bdiewa stess jammettu li hemm min jabbuża mis-sistema, u għalhekk jidher ikraħ kulħadd. Meta għandu jittieħed kampjun u kemm għandu jittieħed għandu jkun ġust u li jirrapreżenta il-prodott lokali kif ukoll dak li qed jiġi impurtat.”

    “Għalhekk l-awtoritijiet għandhom jgħinu lill-bdiewa tagħna sabiex jilħqu l-istandards mixtieqa permezz ta’ aktar għarfien u edukazzjoni, kif ukoll aktar promozzjoni għall-prodott lokali. Apparti li l-biedja lokali iżżomm il-kampanja ħadra u ħajja, ta’ min jgħid illi il-konsumatur jista’ jgawdi minn prodott frisk lokali. Ma rridux ninsew illi jekk il-biedja tinqered minn pajjiżna nistgħu ngħidu li nkunu tlifna kompletament is-sigurtà tal-ikel.”

    Skont Prof Louis F. Cassar, minħabba d-daqs żgħir tal-pajjiż, l-irjieħ prevalenti li jġorru 'aerosols' velenużi minn post għall-ieħor jista jkollhom impatti potenzjalment negattivi. “Sfortunatament, is-settur agrikolu qed jiġi 'attakkat' minn sorsi varji u l-użu żejjed tal-pestiċidi huwa biss wieħed minnhom. Il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma ġewwa l-art minn, pereżempju residwi ta’ perklorat minn logħob tan-nar, teħid dirett mill-industrija tal-bini u d-degradazzjoni severa tal-ilma tal-pjan huma każijiet partikolari,” qal Cassar.