Il-GWU mħassba dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’Palumbo

    Wara li l-Erbgħa seħħ aċċident fuq il-post tax-xogħol fit-Tarzna ta’ Palumbo li kawża tiegħu ħaddiema spiċċaw l-isptar, għal darb’oħra l-General Workers’ Union esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livelli ta’ saħħa u sigurtà li qed jaħdmu fihom it-tarznari ta’ Palumbo.

    Il-GWU ilha snin titkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’din it-tarzna u l-perikli li jeżistu minħabba nuqqas ta’ tħaris għall-kundizzjonijiet aħjar dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

    Il-pożizzjoni tal-unjin dejjem ġiet iffaċċjata b’ostilità u theddid fuq l-impjieg tal-ħaddiema li riduha titkellem f’isimhom biex l-aċċident li seħħ din il-ġimgħa, u oħrajn bħalu li seħħew fis-snin li għaddew, ikunu evitati.

    Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU Jesmond Marshall stqarr li huwa tal-mistħija kif ħaddiem li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol, skont kif kien rappurtat, ittieħed l-isptar permezz ta’ karozza privata u mhux b’ambulanza li jkollha paramediċi li setgħu jagħtu l-ewwel għajnuna lill-ħaddiem korrut.

    Huwa qal li sitwazzjoni bħal din mhijiex aċċettabbli għax taf tqiegħed il-ħajja ta’ dan il-ħaddiem f’periklu sħiħ u tenna li l-mod kif seħħ l-aċċident, il-mod kif ingħatat l-ewwel għajnuna u l-fatt li nfetħet inkjesta maġisterjali fuq dan il-każ huma indikazzjonijiet biżżejjed biex il-ħaddiema ma jibqgħux aktar beżgħana u maħkuma minn forma jew oħra ta’ intimidazzjoni.

    Marshall iddikjara li l-GWU għandha l-bibien miftuħin għat-tarznari tat-tarzna ta’ Palumbo għax temmen li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jkunu trattati ta’ ħaddiema tat-tieni klassi.

    Il-GWU temmen li fid-dawl tal-aċċident fit-tarzna ta’ Palumbo, l-Awtorità Dwar is-Saħħa u Sigurtà (OHSA) għandha tagħmel spezzjonijiet aktar kontinwi biex qatt ma jerġa’ jkun hemm traġedji bħalma seħħ u bħalma kien hemm fis-snin li għaddew.