L-Italja tħabbar il-qabda ta' 20 tunellata ħaxixa … Kellha ġġib mal-€200 miljun meta tinbiegħ

    Il-Pulizija Taljana llum qalet li qabdet 20 tunellata fit-tank tal-fjuwil ta’ vapur li kien qed itajjar il-bandiera tal-Panama. Huwa stmat li l-qabda kienet se ġġib mal-€200 miljun ladarba tinbiegħ.

    Il-vapur twaqqaf f’ibħra internazzjonali u ġie skortat lejn Sqallija.

    L-ekwipaġġ li kien abbord il-vapur, li jikkonsistu minn 11-il baħri lkoll mill-Montenegro, ġew arrestati fuq akkużi ta’ traffikar internazzjonali ta’ droga.

    Il-vapur “Remus”, li jintua għal skopijiet ta’ riċerka, telaq mill-Gżejjer Canary u kien mistenni jbaħħar lejn l-Eġittu u t-Turkija. Madankollu sorveljanza mill-Pulizija wriet li l-vapur tefa’ t-transmitter tiegħu meta kien viċin il-kosta tal-Tramuntana tal-Afrika, aġir li qanqal is-suspetti tal-investigaturi.

    Bil-permess tal-awtoritajiet tal-Panama, il-Pulizija Taljana ssekwestrat il-vapur f’ibħra internazzjonali nhar il-31 ta’ Lulju li għadda, u skortatu lejn il-port ta’ Palermo. Hemmhekk tbattlu t-tankijiet tal-fjuwil fejn eventwalment instabet il-kwantità kbira ta’ droga f’boroż issiġillati.