Fl-aħħar... Toħroġ il-liċenzja għall-POYC

    Wara li ġimgħa ilu kien żvelat li l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC), kienet ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs titħaddem mingħajr il-liċenzja apposta biex tkun tista’ tqassam il-mediċini lill-ispiżeriji madwar Malta u Għawdex, irriżulta li l-POYC ħarġitilha din il-liċenzja ftit jiem wara.

    Artiklu fl-orizzont kien irrapporta li l-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur kien ikkonferma fi tweġiba li ta għal mistoqsija minn ġurnalist tiegħu li l-POYC kien għad ma kellhiex il-liċenzja ta’ ‘wholesale dealer’ biex tkun tista’ tqassam il-mediċini lill-ispiżeriji.

    B’reazzjoni għal din it-tweġiba l-orizzont staqsa lill-Ministru tas-Saħħa dwar dak li kien se jagħmel f’din il-kwistjoni. Il-Ministeru informa lill-ġurnal li l-POYC kien ingħata din il-liċenzja.