Żjara fl-uffiċini ġodda tal-bank fintech, Ferratum Bank - minn bank li kien iħaddem ħames persuni biss lura fl-2012 għall-bank li llum iħaddem aktar minn 300

    Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri żar l-uffiċini l-ġodda tal-Bank Ferratum, bank fil-qasam tal-fintech u li joffri servizzi fil-qasam finanzjarju fuq livell internazzjonali.

    “Awtoritajiet finanzjarji minn madwar id-dinja qed jaffaċjaw mistoqsijiet bħal jekk għandhomx jespandu r-regolatorju jew il-parametri superviżorji u servizzi finanzjarji diġitali ġodda li jistgħu jkunu ta’ sfidi għar-reġoli attwali. F’dan l-isfond, fi ħdan l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji twaqqaf unit iddedikat għal fintech li qiegħed jaħdem sabiex din in-niċċa ekonomika ġdida tikber u tkun ta’ kontribut għat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri Schembri.

    Huwa qal li filwaqt konxji tal-impenn tal-bank lejn il-ġurisdizzjoni Maltija, l-intenzjonijiet huma li jespandu l-operat għas-suq Ewropew u li l-ammont ta’ ħaddiema jaqbeż it-300 fix-xhur li ġejjin.

    “Il-politika ta’ dan il-Gvern fil-qasam diġitali qed tħalli l-frott; minn bank li kien iħaddem 5 persuni biss lura fl-2012 għall-bank li llum iħaddem aktar minn 300, ammont li huwa mistenni li jkompli jiżdied,” qal Schembri.

    Huwa żied jgħid li filwaqt li Ferratum Bank se jespandi, jikber u jikseb rikonoxximent internazzjonali, Malta se tkompli tesebixxi lilha nnifisha bħala ċentru fejn banek fil-qasam tal-fintech jistgħu joperaw b’suċċess.

    “Ninsabu fiċ-ċentru tal-industrija tal-fintech li qed tikber b’rata mgħaġġla. Aħna, bħala kumpanija fil-fintech irridu nkunu minn ta’ quddiemu u rridu li Malta tkun fil-qalba ta’ dan il-pjan. Bdejna b’ħidma minn bini żgħir u llum qegħdin hawn niċċelebraw espansjoni,” qal il-fundatur tal-bank Jorma Jokela.

    Jokela stqarr li biex wieħed ikun minn ta’ quddiem nett fil-qasam tal-fintech hemm bżonn tliet affarijiet importanti; riżorsa umana mħarrġa, regolatur li jagħti appoġġ u Gvern li jifhem is-saħħa ta’ teknoloġija ġdida u l-industrija tal-fintech. “Sodisfatt ngħid li f’Malta sibna kollox,” qal Jokela.

    Ferratum Bank twaqqaf fl-2005 fil-Finlandja u llum jopera f’25 pajjiż f’ħames kontinenti u Malta hija waħda mill-pajjiż ewlieni għaliex il-maġġoranza tal-operat jaħdem taħt liċenzja Maltija.