Il-Mexxej tal-ĠM iħeġġeġ biex jieqaf il-qtil fis-Sirja

    Il-Mexxej tal-Ġnus Magħquda Ban Ki-moon ħeġġeġ lill-mexxejj tad-dinja biex jieħdu azzjoni u jwaqqfu l-qtil fis-Sirja, hekk kif eluf ta’ truppi qegħdin jiġu rrapportati li jinsabu fi triqthom lejn il-belt ta’ Aleppo.

    Ban Ki-moon qal li hu għamel talba lid-dinja biex ma jdumux u jieħdu azzjoni biex iwaqqfu dan il-qtil.

    Il-kummenti tiegħu waslu hekk kif attivisti qalu li truppi armati b’tankijiet u vetturi armati kienu fi triqthom biex jerġgħu jieħdu nħawi li kienu miżmumin mir-ribelli. F’Aleppo saru diversi attakki ħorox fejn kienu involuti diversi attakki b’ajruplani u ħelikopters tal-gwerra.

    Sadanittant, il-forzi tal-gvern kienu rrapportati li rnexxielhom itaffu attack li sar fuq Damasku. Minkejja dan, jidher li llum xorta reġa’ kien hemm xi attakki.

    Xi attivisti qalu li 23 persuna ġew ikkonfermati mejtin f’Damasku, ħafna minnhom f’massakru li seħħ aktar kmieni f’Qaboun.

    Minn filmati li ttieħdu mill-attivisti jidher li t-toroq sfaw imkissrin fl-attakki u hemm numru kbir ta’ kadavri f’numru ta’ djar.

    Aktar kmieni dalgħodu, intqal li numru ta’ truppi bdew jirtiraw mill-fruntiera Torka.

    Il-Kulunell Abdel Jabbar al-Oqaidi, kelliem għar-ribelli tal-Armata Ħielsa Sirjana qal lill-aġenzija tal-aħabraijiet AFP li t-truppi kienu qegħdin jerġgħu jintbagħtu biex jipproteġu Aleppo għax kienet aktar strateġikament importanti.

    Intant, il-ġurnalisti barranin li jinsabu fis-Sirja qegħdin jaħdmu taħt restrizzjonijiet kbar u għalhekk ir-rapport ma jistgħux jiġu vverifikati malajr.

    Ilbieraħ, ajruplani tal-gwerra attakkaw partijiet minn Aleppo, fejn ħafna ċivili u ġellieda ribelli kienu fost dawn li mietu fl-attakki.

    Fl-aħħar ġimgħat, ir-ribelli ħadu kontroll ta’ diversi postijiet fil-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja.

    It-Turkija ħabbret illum li kienet se tagħlaq il-fruntieri li kien għad fadal minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Minkejja dan, ir-refuġjati xorta kienu se jitħallew jgħaddu. Din il-mossa ġiet interpretata minn analisti bħala waħda li se taffettwa ħażin lir-reġim Sirjan hekk kif jibbaża ħafna fuq il-kummerċ bejn il-fruntieri.

    It-Turkija, li xi żmien kienet alleat qrib ħafna tal-President Bashir Assad, għamlitha ċara li ma tistax tibqa’ tappoġġja mexxej li hu lest li joqtol lill-poplu tiegħu f’numri hekk kbar. Barra minn hekk, talbet lil Assad biex iċedi postu.