Fl-2017: Ċifra rekord ta’ 123 miljun tifel u tifla vaċċinati globalment

    Ċifra rekord ta’ 123 miljun tifel u tifla ġew vaċċinati globalment. Dan skont statistika li kienet ippubblikata mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) u l-UNICEF.

    L-istatistika li kienet ippubblikata tindika li matul is-sena li għaddiet ġew vaċċinati 4.6 miljun tifel u tifla aktar milli kienu ġew vaċċinati fl-2010. Madankollu l-istatistika tindika li din iż-żieda hija minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija.

    L-informazzjoni ppubblikata mill-WHO u l-UNICEF tindika wkoll li 167 pajjiż inkludew ukoll it-tieni doża tal-vaċċin tal-ħosba bħala parti mill-iskeda ta’ vaċċinazzjoni tagħhom, b’162 pajjiż jagħmlu użu mill-vaċċin tar-rubella. B’hekk l-vaċċinazzjoni kontra l-ħosba u r-rubella telgħet mill-35% tal-2010 għall-52% irreġistrata matul is-sena li għaddiet.

    Madankollu minkejja li aktar tfal qed jiġu vaċċinati, kważi 20 miljun tifel u tifla ma rċevewx vaċċinazzjoni sħiħa fl-2017. Tmiem miljuni minnhom jgħixu f’xenarju prekarju ta’ saħħa. Il-WHO u l-UNICEF huma tal-fehma wkoll li hekk kif il-popolazzjonijiet ikomplu jikbru l-pajjiżi jeħtieġu li jżidu l-investimenti tagħhom fil-programm ta’ immunità mħaddan minnhom.