Luis Enrique jinħata coach ta' Spanja

    L-ex coach ta’ Roma u Barcelona, Luis Enrique ser ikun il-coach il-ġdid ta’ Spanja. Dan seħħ wara li Fernando Hierro, li kien qed imexxi lit-tim għal din il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, irriżenja mill-kariga sigħat biss wara li t-team ġie eliminat mir-Russja fil-fażi tal-aħħar 16.

    Hierro dam biss 27 ġurnata fit-tmun ta’ La Roja wara li ħabta u sabta l-federazzjoni Spanjola temmet il-kuntratt ta’ Julen Lopetegui li ffirma ma’ Real Madrid sigħat qabel il-bidu tat-tazza tad-dinja.

    Fl-ewwel kummenti tiegħu Luis Enrique qal li ser jagħmel minn kollox biex jerġa’ jibni mill-ġdid il-profil ta’ pajjiżu u li ser jaħdem bis-sħiħ waqt din il-kariga.

    Sadanittant l-ewwel impenn uffiċjali tal-coach il-ġdid ser ikun fit-8 ta’ Settembru meta Spanja jilagħbu kontra l-Ingilterra fil-UEFA Nations League.