Il-Gvern malti jwiegħed li jħarrax il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin

    Fir-reazjoni tiegħu s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi qal li huwa innota li għalkemm rapport maħruġ mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan isemmi li għad fadal xi jsir kontra t-traffikar tal-bnedmin, isemmi wkoll li pajjiżna żied l-isforzi tiegħu biex jiġġieled it-traffikar uman.

    Huwa saħaq li jinsab kommess li jħarrax il-ġlieda kontra t-traffikar uman permezz tal-ħolqien tal-ewwel strateġija nazzjonali fejn insista li l-għan tal-istrateġija hu li jsaħħaħ l-entitajiet li jiġġieldu t-traffikar.

    Is-Segretarjat spjega kif diġa beda b'serje ta' laqgħat ma' esperti u membri tas-soċjetà ċivili kif ukoll għaddejjin diskussjonijiet mar-Renju Unit biex tikber il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

    “Il-Gvern hu determinat li jdaħħal it-tibdil meħtieġ biex jagħti l-għajnuna kollha possibbli lil dawk l-individwi, inklużi persuni Maltin, li jispiċċaw vittma ta' sfruttament mabruta mas-sess u mal-prostituzzjoni”, żied jgħid is-Segretarjat fir-reazjoni tiegħu għar-rapport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

    Dan wara li ġie ppublikat rapport dwar it-traffikar tal-bnedmin u s-sitwazzjoni fil-pajjiżi madwar id-dinja md-Dipartiment tal-Istat Amerikan fejn isemmi plejers irġiel tal-futbol u nisa li jaħdmu fin-nightclubs u fil-massage parlours bħala fost l-iktar fil-periklu li jiġu traffikati.

    Fl-analiżi tiegħu dwar pajjiżna, huwa jgħid li kif irrapporta fl-aħħar ħames snin, Malta baqgħet sors u destinazzjoni għal nisa suġġetti għal traffikar bi skop ta' sess kif ukoll nisa u rġiel suġġetti għal traffikar bi skop ta' xogħol.

    Waqt li jgħid li nisa u tfal minn Malta kienu suġġetti għal traffikar għas-sess fil-pajjiż stess, ir-rapport isostni li vittmi ta' traffikar għal skop ta' xogħol ġejjin l-aktar miċ-Ċina, il-Lvant tal-Ewropa u l-Asja.

    Nisa mill-Asja biex jaħdmu bħala fattigi, dawk miċ-Ċina biex jaħdmu fil-massage parlours, plejers tal-futbol irġiel u nisa mir-Russja u l-Ukrajna biex jaħdmu fin-nightclubs issemmew bħala persuni vulnerabbli għall-isfruttament.

    Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan isemmi anke l-madwar 5,000 immigrant irregolari mill-pajjiżi Afrikani li jgħixu Malta bħala nies vulnerabbli għat-traffikar fejn jidħol xogħol l-aktar fis-setturi tal-bini u l-ospitalita.

    Dwar x'qed jagħmel il-Gvern Malti, ir-rapport jgħid li Malta għadha ma laħqitx l-istandard minimu biex it-traffikar jiġi eliminat madankollu nnota li qed tagħmel diversi tentattivi dwar dan.

    “Il-Gvern wera li għamel tentattivi fuq ir-rapport ta' qabel billi ipprovda aktar taħriġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, żied l-ispazju fl-akkomodazzjonijiet u alloka aktar fondi biex jiġġieled it-traffikar”.

    Ir-rapport isemmi wkoll kif Malta waqqfet 'victim support unit' biex tagħti għajnuna lill-vittmi madankollu jikkritika lil Malta talli ilha mill-2012 ma ssib ħatja nies dwar traffikar, talli hemm dewmien fil-ħruġ ta' permessi għal residenza u xogħol u m'għamlitx kampanja biex tqajjem kuxjenza dwar dan il-fenomenu.

    Fl-istess waqt jgħid li dwar il-prosekuzzjoni ta' nies fuq traffikar ma kien hemm ħadd li nstab ħati ta' traffikar mill-2012 'il hawn għalkemm isemmi li fl-2017 saru seba' investigazzjonijiet kontra t-tlieta li saru fis-sena preċedenti.

    Kien hemm każ mibdi kontra Malti u ieħor kontra Ċiniż fuq prostituzzjoni waqt li hemm tliet kawżi dwar xogħol fl-2014 u ieħor li jmur lura għall-2004 dwar pulizija involut fi traffikar li għadhom ma nqatgħux.

    Fir-rigward tal-protezzjoni, ir-rapport jispeċifika kif fl-2016 ġew identifikati 30 vittma ta' traffikar meta fl-2016 instabu 35. Il-vittmi fl-2017 - li kienu jinkludu 24 mill-Ukrajna, erba' Ċiniżi u żewġ Ungeriżi – kollha rċevew għajnuna.

    Dwar il-prevenzjoni, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan isemmi kif il-Gvern żied il-baġit imma lmenta li għalkemm saru 3,539 spezzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol m'għamilx sforz biex inaqqas id-domanda għal atti sesswali kummerċjali jew xogħol sfurzat.