Iben Daphne jgħid lil Joseph Muscat iħalli Malta

    Wieħed mit-tlitt itfal ta' Daphne Caruana Galizia talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iħalli lil Malta.

    Fuq il-profil tiegħu ta' Facebook, Matthew Caruana Galizia semma kif f'Jum il-Missier kellu ikla ma' missieru u rritornaw id-dar biex jiltaqgħu ma' grupp ta' ġurnalisti biex juruhom fejn inqatlet ommu.

    Skont hu, x'ħin kienu fuq il-post għaddiet karozza u mara fiha bdiet tgħajjat “hemm hu, hemm hu” imbagħad għaddiet karozza oħra u x-xufier għajjat “boom” u beda jidħak.

    Waqt li awgura lil Muscat Jum il-Missier it-tajjeb, Caruana Galizia talbu jieħu l-parir tiegħu u jitbiegħed lil Malta kemm jista' jkun malajr.

    “Mur u għix f'għar tas-silġ ġewwa l-Antartika jew f'gorboġ fil-Gżejjer Andean. Hemm bżonn li nsewwu pajjiżna mingħajrek għall-ġid ta' uliedna u t'uliedek”.

    Caruana Galizia indirizza wkoll lill-Prim Ministru bħala “il-mexxej spiritwali ta' nies vjolenti u terroristi”.