Raħal Spanjol jivvota favur li n-nisa jkunu jistgħu jgħumu topless … Wara protesta minn nisa u rġiel lebsin il-bikinis!

    In-nisa f’raħal viċin Barċellona vvotaw biex ikunu jistgħu joqogħdu topless f’pixxini pubbliċi. Il-vot f’L’Ametlla del Vallès kien 61% favur l-introduzzjoni ta’ għawm topless u 39% kontra.

    L-awtorità lokali Katalana organizzat il-vot – liema riżultat huwa legalment vinkolanti – għal nisa li għandhom minn 16-il sena ’l fuq. B’kollox in-nisa li marru jitfgħu l-vot tagħhom kienu jammontaw għal 379.

    In-nisa għamlu pressjoni biex ikun hemm votazzjoni wara li s-sajf li għadda l-pulizija marru f’waħda mill-pixxini pubbliċi u ordnaw lil żewġ nisa biex jerġgħu jilbsu l-bikini. Jidher li kien lifeguard li kien irrapportahom lill-pulizija.

    Dan il-każ kien qanqal protesta minn residenti li kienu jappoġġjaw il-kawża tan-nisa, b’nisa u anke rġiel imorru fil-pixxini pubbliċi lebsin bikinis.