Deputata tistaqsi kemm hawn ħaddiema stressjati

    Id-deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg saħqet fil-Parlament li rridu naraw kemm hawn ħaddiema li qegħdin ibatu minn stress fuq il-post tax-xogħol.

    Hi sostniet dan waqt li kienet qiegħda titkellem fis-seduta li matulha ġew diskussi l-estimi tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

    Buttigieg ilmentat li d-diskussjoni nfetħet mid-deputat Manuel Mallia li hu ċ-Ċermen tal-OHSA u rrimarkat li dan il-fatt inaqqas mis-sens ta' skrutinju.

    Hi lmentat ukoll mis-salarji li qegħdin jaqilgħu l-istess Ċermen tal-OHSA u l-'persons of trust' magħżulha minnu u semmiet kif bil-flus setgħu ddaħħlu erba' spetturi ġodda.

    Buttigieg sostniet li mal-OHSA hemm jaħdmu 35 impjegat li fiżikament iridu jiġġebbdu biex ilaħħqu ma' xogħolhom.

    Min-naħa tiegħu, Manuel Mallia tkellem fid-dettall dwar il-ħidma li tagħmel l-OHSA u rrimarka li x-xogħol li tagħmel hu sottovalutat.

    Hu faħħar ix-xogħol li tagħmel u semma kif il-ħidma waslet għal tnaqqis fin-numru ta' inċidenti li seħħew fuq il-post tax-xogħol.