Moviment Graffitti: “L-ebda aktar pompi ta’ petrol f’pajjiżna li jservu ta’ kappa għal shopping complexes”

    Il-Moviment Graffitti qed tisħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex tapprova aktar pompi ta’ petrol f’pajjiżna li jservu ta’ kappa għal shopping complexes. Fi stqarrija l-Moviment Graffitti qal li mux biss tali proġetti m’hawnx bżonnhom iżda talli qed jinbnew fuq meded ta’ art immarkati bħala Żoni Barra mill-Iżvilupp (ODZ).

    L-istqarrija tagħmel referenza għal żewġ proġetti simili – wieħed f’Tal-Balal, f’San Ġwann, u ieħor f’Ħaż-Żebbuġ – bit-tnejn li huma jinkludu mhux biss pompi tal-petrol iżda fl-istess waqt se jkunu qed jinkludu faċilitajiet oħrajn bħal ħwienet u servizzi oħrajn.

    L-istqarrija tkompli tgħid li l-bini ta’ dawn iż-żewġ proġetti se jkun qed isir ftit metri biss bogħod minn żewġ pompi ta’ petrol diġà eżistenti.

    Il-Moviment Graffitti jisħaq li applikazzjonijiet bħal dawn m’għandhomx jiġu diskussi qabel ma tkun riveduta l-policy dwar il-pompi tal-petrol. Din ir-reviżjoni ġiet ippubblikata xi ġimgħat ilu mill-ERA iżda għadha ma ġietx approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar, u għalhekk għadha ma daħlitx fis-seħħ. Ma jagħmilx sens li l-applikazzjonijiet pendenti jiġu deċizi abbażi ta’ policy li l-awtoritajiet stess qed jammettu li hija difettuża, irrispettivament mill-fatt jekk dawn hux se jiġu approvati jew miċħuda.