Il-Belt Valletta Esposta F’Wirja Ġewwa l-Italja

     

    It-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Belt Valletta ġie ċċelebrat f’wirja li ġiet mtellgħa ġewwa l-belt ta’ Firenze. Din il-wirja, bit-titlu “Valletta Capitale d’Europa,” kienet qiegħda tesponi mapep ta’ Malta minn kollezzjoni nazzjonali, fost l-oħrajn żewġ mapep tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta li għadhom kemm saru parti fir-Reġistru tal-Memorja Dinjija tal-UNESCO.

    Din il-wirja kienet inizjattiva konġunta bejn Heritage Malta u l-Ambaxxata Maltija ġewwa Ruma, b’kollaborazzjoni mal-Comune di Firenza taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Wirja oħra li se jagħlaq dan il-ġemellaġġ bejn il-Belt Valletta u FIrenze se titellà iktar tard din is-sena f’Malta.

    Il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi żar din il-wirja ġewwa Firenze, fejn fost l-oħrajn saħaq li “wirjiet ta’ dan it-tip huma opportunità biex ninkoraġixxu u nsaħħu kollaborazzjonijiet ma’ pajjiżi fl-Ewropa u barra mill-Ewropa, filwaqt li nippromwovu l-istorja rikka ta’ pajjiżna.” 

    Noel Zammit, l-Kap Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, tenna li din il-wirja kienet “opportunità eċċellenti biex l-Aġenzija tibni l-profil internazzjonali tagħha. Dan hu kollu parti mill-istrateġija tagħna biex nippromwovu aħjar is-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta f’suq internazzjonali usà.”