“Il-mowbajl tajtu dak il-ħin lill-Pulizija li fetħu u qal li ma kienx hemm ritratti fih” … Ikompli l-każ ta' Daphne Caruana Galizia

    Dalgħodu kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-provi fil-każ kontra t-tliet irġiel li qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Id-delitt seħħ nhar is-16 ta’ Ottubru li għadda fil-Bidnija. L-akkużati huma George Degiorgio, ta’ 55 sena minn San Pawl il-Baħar magħruf bħala “ċ-Ċiniż”, ħuh Alfred ta’ 53 sena li wkoll joqgħod San Pawl il-Baħar u magħruf bħala, “l-Fulu” u Vince Muscat ta’ 55 sena mill-Imsida magħruf bħala l-Koħħu.
     
    L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien l-Ispettur Nicholas Vella, li ġie muri rapport li kien għamel lill-Maġistrat tal-Għassa u kkonferma r-rapport. Huwa qal li kien ġie mħarrek mill-Maġistrat Antonio Vella fejn ta bil-ġurament ix-xhieda tiegħu. Qal li fis-16 ta’ Ottubru 2017 kien qiegħed l-Uffiċċju u kien infurmat li seħħet splużjoni ma’ xi karozza. Niżel fuq il-post u dak il-ħin ra karozza taqbad fil-Bidnija u “pprovajna naraw kif nistgħu nikkontrollaw is-sitwazzjoni.”
     
    Xehed ukoll Mario Vella, li joqgħod il-Bidnija, li qal li dakinhar tal-inċident huwa kien mar il-Mosta f’ħanut taż-żebgħa biex jixtri sellatura. Qal li ċemplitlu bintu u qaltlu li semgħet ħoss kbir u li kienet tielgħa daħna mill-farmhouses. Huwa telaq minn fejn kien u mar minnufih il-Bidnija, fejn kif wasal ra tliet Pulizija fuq il-post u karozza li kienet qed taqbad fl-għalqa.
     
    Huwa niżel mill-karozza tiegħu u qal li “qas għaddieli minn moħħi x’kien il-każ. Xi żewġ minuti wara ltqajt ma’ Frans Sant li ra l-inċident iseħħ. Qalli hemm in-nies maqbudin fil-karozza.” Kompla jgħid li t-tifel tal-vittma, Matthew Caruana Galizia, beda jallega li huwa kien ħa xi ritratti. “Il-mowbajl tajtu dak il-ħin lill-Pulizija li fetħu u qallu li ma kienx hemm ritratti fih. Tani l-mobile lura u t-tifel kien għadu rrabjat. Tajtu l-mowbajl u fid-dagħdija li kien għaddej minnha ħabbtu mal-art u kissiruli.”
     
    Xehdu wkoll Pulizija li kienu responsabbli mill-arrest tal-akkużat Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”. Il-Kuntistabbli Sergio Spiteri qal li fl-4 ta’ Diċembru 2017 ingħata struzzjonijiet biex imur fejn jirrisjedi l-akkużat Vincent Muscat fl-Imsida għall-ħabta tat-8.00 p.m. però ma kien hemm ħadd fir-residenza.
     
    “Wara rċevejna telefonata li kien hemm karozza tat-tip Toyota Passo li kienet ipparkjata fi Triq ix-Xatt u flimkien ma’ PC118 morna fixed point mal-karozza. Imbagħad ġie l-Ispettur Joseph Mercieca għal-ħabta tas-6.00 p.m. u miegħu kellu lil Vince Muscat. Kellu wkoll persuna tal-RMF li pprova jiftaħ il-vettura imma ma rnexxilux. Il-karozza ġiet ittowjata fuq il-post u skortata lejn id-Depot tal-Pulizija.”