Mewġa ta' attakki fuq Baghdad

    F'sensiela ta' attakki bil-bombi u sparar f'Baghdad u fit-tramuntana tal-kapitali nqatlu 91 persuna. Ħafna minn dawk mejta kienu membri tal-forzi tas-sigurtà.

    Wieħed mill-postijiet l-aktar milquta f'dawn il-ġlied kien Taji, post fejn joqogħdu ħafna Sunni madwar 20km, fit-tramuntana ta' Baghdad, fejn madwar 24 persuna mietu. Tal-inqas 172 persuna spiċċaw feruti f'waħda mill-aktar ġranet imdemmija f'din is-sena.

    Madwar 13-il belt Iraqina ntlaqtu minn dawn l-attakki li jidhru li kienu kkordinati. F'Sadr city karozza bomba pparkjata viċin bini tal-gvern qatlet 12-il persuna. Tal-inqas seba' karozzi bomba oħra splodew fil-belt ta' Kirkuk.

    Dawn l-attakki saru biss ftit jiem wara li raġel li qal li huwa Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej ta' al-Qaeda fl-Iraq ddikjara offensiva ġdida, biex jittieħdu lura parti mill-artijiet li ntilfu qabel ma telqu s-suldati Amerikani mill-Iraq f'Diċembru li għadda.