"Mhux prudenti nikkummentaw" - il-Pulizija... Lou Bondi jitlob għall-protezzjoni

    Il-Pulizija qalet ma' inewsmalta.com li mhux prudenti tikkummenta dwar id-diversi interrogazzjonijiet li qegħdin isiru b'rabta mal-allegat ksur tal-liġi elettorali. Mistoqsi minn inewsmalta.com dwar kemm issejħu nies id-depot u dwar jekk issejħux fuq inizjattiva tal-pulizija jew wara rapporti li saru, il-kelliem tal-pulizija qal li "f'dan l-istadju mhux prudenti nikkummentaw."

    Intant, Lou Bondi, li lbieraħ daħal fid-dar ta' Caruana Galiza waqt li kien hemm il-pulizija talab il-protezzjoni tal-pulizija. "Qed niktiblek bħala direttur tal-kumpanija Where’s Everybody. Għandna raġunijiet fondati għaliex nemmnu li fil-ġranet li ġejjin, waqt u wara l-għadd tal-voti, l-uffiċċji u l-istudios tagħna f’żewġ postijiet jistgħu jkunu fil-mira ta’ attakki. Dawn l-attakki jistgħu jkunu fuq l-impjegati u l-propjetà. Għalhekk qed nitolbok biex tagħtina l-protezzjoni kollha li bħala diretturi u ċittadini għandna dritt għaliha. Ċert li kif sibt tlett uffiċjali għolja biex tiġi arrestata mara b’mod diskriminatorju f’nofs ta’ lejl, tista’ ssib ir-riżorsi umani biex tagħtina l-protezzjoni li qed nitolbuk," qal Lou Bondi fl-imejl tiegħu.

    Sa issa kienu Deborah Schembri u Nikita Alamango, il-kandidati tal-Partit Laburista li ssejħu d-depot biex ikunu interrogati b’rabta ma’ allegat ksur tal-liġi elettorali. Dan wara rapporti li saru fil-konfront tagħhom li fil-jum tas-silenzju setgħu kitbu xi messaġġi politiċi. Ir-rapporti saru mill-Partit Nazzjonalista.

    Ilbieraħ filgħaxija kienet Daphne Caruana Galizia li ssejħet ukoll mill-pulizija għal dan il-għan.

    Iżda, fil-każ ta’ Caruana Galizia dik li kellha tkun interrogazzjoni mill-pulizija spiċċat ukoll b’Lou Bondi jagħmel l-intervisti u jistaqsi lill-pulizija x’kienu qegħdin jagħmlu hemm (fid-dar ta' Caruana Galizia),. Dan hekk kif Caruana Galizia rrifjutat li tmur id-depot u minflok il-pulizija aċċettaw li tmur l-għassa tal-Mosta. Fil-każ tal-kandidati tal-Partit Laburista sa issa kulħadd mar id-depot kif mitlub mill-pulizija.