Il-partitarji jwieġbu għas-sejħa tal-mexxejja

    Il-partitarji taż-żewġ partiti politiċi wieġbu għas-sejħa tal-partiti tagħhom u bi ħġarhom ħonqu l-Fosos tal-Furjana u Ħal Far.

    L-ammont kbir ta' nies li nġabru fit-toroq kien rifless ukoll mill-ammont ta' karozzi u traffiku li mill-16.00 ta' wara nofs in-nhar beda jinġabar fit-toroq Maltin.

    Waqt il-meetings rispettivi tagħhom illum se jkun l-aħħar darba li l-mexxejja politiċi se jkunu qegħdin ikellmu lill-massa f'din il-kampanja elettorali hekk kif għada huwa magħruf bħala l-jum ta' silenzju jew ta' riflessjoni.

    Tant hi kbira l-konġestjoni ta' traffiku li nħolqot speċjalment bil-karozzi nieżlin fid-direzzjoni ta' Ħal Far, li l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista ddeċidiet li tibda l-meeting aktar tard. Dan minħabba l-fatt li fost dawk li jinsabu imwaħħlin fit-traffiku hemm numru ta' ġurnalisti. Fit-traffiku wkoll hemm privates ta' partitarji Laburisti li niżlu minn Għawdex u kien anke għalhekk li l-PL ddeċieda li jittardja l-meeting.

    Għadu mhux magħruf il-ħin eżatt li se jibda l-meeting, inewsmalta.com jibqa' jżommkom infurmati.

    inewsmalta.com wkoll bħalma għamel kull nhar ta' Ħadd matul din il-kampanja elettorali se jkun qiegħed itella' d-diskors, ritratti u filmati miż-żewġ meetings.