Il-PL lest għall-kampanja elettorali fit-tul

    Waqt intervent fuq ONE Radio l-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Partit Laburista huwa “lest biex jiġri kemm fil-qosor u anke fit-tul.” Dan b’referenza għall-fatt li l-Prim Ministru għadu jilgħab bid-data tal-elezzjoni. Filwaqt li l-Prim Ministru nsista li għandu d-dover li jtemm il-mandat elettorali ‘lbieraħ fit-toroq Maltin bdew jidhru l-billboards li l-Partit Nazzjonalista juża fil-kampanji elettorali.

    Intant, Muscat irrimarka li ilu ma jkun hawn kunsens fil-pajjiż fuq kwistjoni politika, daqs kemm hawn bħalissa fuq il-fatt li Lawrence Gonzi qiegħed iżomm il-pajjiż ostaġġ tal-partit tiegħu.

    “Nafu li s-soċejtà ċivili kollha, il-midja kollha… kulħadd jaf li s-sens komun hu li għandha tissejjaħ elezzjoni ġenerali… l-uniku raġuni li mhux jagħmel dan hi biex jibqa’ kkakmat mas-siġġu tal-poter,” qal Joseph Muscat.

    Joseph Muscat żied li deċiżjonijiet kbar mhumiex jittieħdu għaliex il-Prim Ministru qiegħed iġib l-interess tal-partit qabel dawk al-pajjiż.

    Joseph Muscat qal li l-aġir ta’ Lawrence Gonzi għandu jkun imkejjel fuq dak li qal f’Jannar li għadda, fosthom li ma jridx kundizzjonijiet u li jrid li jkollu soluzzjoni fit-tul.

    Intant, Joseph Muscat temm jgħid li l-gvern għandu jkun iffokat fuq setturi ta’ priorità bħalma hu l-qasam tas-saħħa. Żvela kif minħabba nuqqas ta’ fondi hemm mediċini li mhumiex qegħdin jinxtraw u ċerti ordnijiet li mhux isiru anke jekk inħarġu tenders. . “Il-qasam tas-saħħa mhux kapriċċ imma huwa ħtieġa,” żied Muscat li sostna kif il-PL huwa ffukat fuq il-futur tal-pajjiż, bil-ħidma fuq il-manifest elettorali tinsab fl-aqwa tagħha.