Sena wara l-massakru n-Norveġja tfakkar il-vittmi

    In-Norveġja qed tipprepara biex tfakkar is-77 persuna li mietu u l-242 li sfaw midruba f'attakki bil-bombi u b'arma tan-nar fil-belt kapitali Oslo u fuq il-gżira ta' Utoeya.

    Numru ta' servizzi reliġjużi, kunċert u avvenimenti oħra se jsiru madwar in-Norveġja. Il-Prim Ministru Jens Stoltenberg se jqiegħed il-fjuri fil-post fejn seħħ l-attakk f'Oslo. Wara se jingħaqad għal servizz speċjali li se jsir fil-gżira ta' Utoeya li fih se jattendu wkoll il-qraba tal-vittmi. Hawnhekk se jitqiegħdu fjuri eżattament fl-18:45, il-ħin li sena ilu ġie arrestat Breivik.

    Filgħaxija se jkun hemm kunċert li fih se jieħdu sehem l-aqwa esponenti mix-xena mużikali Norveġiża.

    Andres Behring Breivik, li ammetta ż-żewġ attakki qed jgħaddi ġuri. Ħafna mill-mejta kienu attivisti tal-Partit Laburista Norveġiż li kienu qegħdin f'Utoeya għall-summer camp.

    Dawn l-attakki, li kienu l-agħar att ta' vjolenza li sofriet in-Norveġja mit-Tieni Gwerra Dinija, qajmu dibatittu sħiħ fuq it-toleranza u d-demokrazija fil-pajjiż.

    Il-ġuri ta' Breivik ilu għaddej għal dawn l-aħħar tliet xhur, huwa qal li wettaq dawn l-attakki biex il-Musulmani ma jieħdux taħt idejhom in-Norveġja.