Busuttil minflok Gonzi għall-konferenza tal-BA

    Fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali l-Awtorità tax-Xandir (Broadcasting Authority), torganizza tliet programmi fuq Television Malta. Żewġ konferenzi tal-aħbarijiet u dibattitu bejn iż-żewġ mexxeja. Id-dibattitu se jsir għada, filwaqt li ‘lbieraħ saret konferenza tal-aħbarijiet mal-Mexxej Laburista Joseph Muscat.

    Il-prassi hi li l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet, fejn ikun hemm il-ġurnalisti jistaqsu, jkun hemm il-mexxej tal-partit fil-gvern, f’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista.

    Iżda, illejla Lawrence Gonzi għażel li ma jkunx hu li joqgħod għall-mistoqsijiet ta’ diversi ġurnalisti u minfloku se jkun qiegħed jattendi Simon Busuttil.

    Mhux magħruf x’inhi r-raġuni għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni, iżda bħalissa l-mexxejja politiċi għandhom aġenda ppakjata ħafna hekk kif minbarra l-attivitajiet tal-partit tagħhom iridu jlaħħqu wkoll ma’ diversi stediniet.

    Ngħidu aħna, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat kien impenjat bil-programm TVAM dalgħodu, wara fi programm tar-radju fuq ONE, imbagħad żjara f’lukanda ewlenija u filgħaxija attivita politika oħra. Nifhmu li kienu dawn iċ-ċirkostanzi li waslu biex saħansitra kellu jirrifjuta biex jieħu sehem fil-programm TVHEMM.

    Intant, dalgħodu Lawrence Gonzi se jkun qiegħed jieħu sehem fi programm fuq Net Television u llejla jindirizza mass meeting fil-gżira Għawdxija.