Gonzi: Il-prijorità tal-familji huwa l-futur

    Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Lawrence Gonzi nieda b'mod uffiċjali l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Kif irrapportajna dalgħodu din hija t-tema li se tintuża mill-Partit Nazzjonalista tul il-kampanja elettorali. Lawrence Gonzi qal li l-mistoqsija li trid tkun imwieġba hi: “Il-futur x'inhu”.

    Ċentrali wkoll fil-messaġġ tal- xogħol, saħħa u edukazzjoni.

    “Il-prijorità tal-familji u individwi hi l-futur kif se jkun, it-tfal tiegħi se jkollhom skola tajba, u l-anzjani x'se jkun il-futur tagħhom? Il-futur, kif se jkun il-futur tagħna dik hi t-tweġiba li jrid jwieġeb il-Prtit Nazzjonalista,” qal Gonzi.

    Meta spjega din it-tema Gonzi qal li futur fis-sod “hi frott is-snin li għixna flimkien. L-imgħoddi ma ninsewhx, fejn l-affarijiet kienu ġusti tibqa' taħdem fuqhom, fejn għamilt żbalji trid titgħallem minnhom u ma tirrepetihomx. Għaddejna minn bidliet li bidlu l-futur tagħna,” kompla Gonzi.

    Dwar l-emblema li se tintuża mill-Partit Nazzjonalista għal din il-kampanja, Gonzi qal li dan se jkun qiegħed jissimboliza d-diversità.

    “Il-logo li hi fjura bil-petali ta' lwien differenti li meta jitħaltu flimkien toħloq kulur ġdid. Logo li jitkellem waħdu,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Gonzi kompla jgħid ukoll li bejn il-kliem xogħol, saħħa u edukazzjoni, li huma l-pilastri ewlenin tal-politika Nazzjonalista hemm stilla safra li tirrapreżenta l-element Ewropew tal-Maltin.

    Mistoqsi dwar x’se joffri ġdid il-Partit Nazzjonalista, Lawrence Gonzi qal li għada se jkun ippublikat il-manifest elettorali. Huwa fisser kif il-manifest elettorali mhux il-programm elettorali. Qal li l-programm elettorali se jkun ippublikat aktar tard fil-kampanja elettorali.

    Ritratt: Facebook PN