Marki ogħla għal studenti bniet… għax iġibu ruħhom aħjar fil-klassi

    Rapport fuq The Daily Mail jiżvela riċerka li saret fl-Istati Uniti u li turi li l-għalliema għandhom tendenza li jagħtu marki iżjed għoljin lill-istudenti bniet milli lis-subien għax il-bniet iġibu ruħhom aktar sew fil-klassi.

    Mill-istudju dwar kif marru l-istudenti fl-iskola mill-età ta’ sitt snin, jirriżulta li l-marki ma kinux biss determinati minħabba l-abbiltà akkademika tagħhom iżda wkoll minn kemm kienu attenti u organizzati. Turi wkoll li minħabba l-fatt li ġeneralment il-bniet ikunu aħjar f’dawn l-affarijiet, allura jkollhom vantaġġ naturali fuq is-subien li jkollhom l-istess livell ta’ intelliġenza.

    Jidher li din id-diskrepanza tibda sa minn kmieni fl-iskejjel primarji u l-effett tagħha taf jibqa’ għaddej sal-livell universitarju.

    Dan l-istudju Amerikan, ippubblikat fuq il-Journal of Human Resources, analizza l-andament ta’ aktar minn 5,800 tifel u tifla b’etajiet minn sitta sa 12-il sena fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza.

    Ir-riċerkaturi qabblu l-marki tal-istudenti ma’ dawk li ngħataw mill-għalliema u sabu li sa mill-bidu li jibdew jitgħallmu l-iskola, il-marki tas-subien ikunu inqas minn dawk li kieku jkollhom kieku jittieħed in konsiderazzjoni biss tat-testijiet li jkollhom.

    Ir-riċerkaturi mill-Universitajiet ta’ Georgia u Columbia jattribwixxu din id-differenza għall-fatt li l-għalliema jieħdu wkoll inkonsiderazjoni ta’ kemm l-istudenti jinvolvu ruħhom fil-klassi, kemm joħolqu problemi, kemm jitilfu l-kontroll u kemm imorru tajjeb fil-ħiliet li jagħmluha ma’ sħabhom.

    Jidher li minn dawn il-fatturi jibbenefikaw l-istudenti bniet u meta s-subien jipprovaw jagħmlu bħall-istudenti bniet, il-marki tagħhom jiżdiedu wkoll.

    Christopher Cornwell, wieħed mill-awturi ta’ dan l-istudju qal li filwaqt li l-valutazzjoni tal-għalliema hi suġġettiva, xorta tista’ tħalli effett fuq il-futur tal-istudenti. Fil-fatt, isostni li l-mod kif l-istudenti jimxu fil-ħajja skolastika tagħhom hi spiss influwenzata mill-valutazzjoni tal-għalliema.

    Qal ukoll li s-sejbiet f’dan l-istudju jispjegaw għalxiex madwar 60% tad-degrees imorru għand in-nisa. Sostna li dan jista’ jkun li qed iwassal biex l-irġiel inaqqsu fejn għandu x’jaqsam is-suq tax-xogħol.