Jersaq bi ftit metri u kulħadd kuntent

    Il-kwistjoni tac-Circo Fantasy li qiegħed armat fin-Naxxar jidher li ssolviet u kulma mar fin-nofs hu ċaqliq ta' ftit metri.

    B'din iċ-ċaqliqa ta' ftit metri l-MEPA se tkun kunetnta hekk kif skont ir-regolamenti tagħha, l-istruttura ma setgħetx tibqa' fl-istess post għal aktar minn 30 ġurnata. Jidher li llum stess qiegħed isir dan iċ-ċaqliq u li llum fil-17.00 se jittella' xow fiċ-ċirklu kif kien previst.

    Nhar it-Tlieta li għadda l-MEPA ordnat liċ-ċirklu jagħlaq wara li għalqilhom il-peremess ta' 30 ġurnata li fihom setgħu joperaw min-Naxxar. Il-MEPA tat ċans 16-il ġurnata lill-operaturi taċ-ċirklu biex jippakjaw kollox u jitilqu.

    L-għada s-sid taċ-ċirklu ssakkar f'gaġġa ma' iljun u tigra biex jipprotesta kontra l-ordni tal-MEPA hekk kif hu qal li għandu l-permessi veterinarji u tal-kunsill lokali biex jibqa' jopera ċ-ċirklu sas-6 ta' Jannar. Huwa qal ukoll li sakemm damu joperaw ma kienx hemm ilmenti mir-resdienti u li huma jaħdmu sad-21.30.

    Wara li ma nstabet l-ebda soluzzjoni sid iċ-ċirklu Mario Sali reġa' għal darba oħra ssakkar fil-gaġġa mat-tigri nhar il-Ġimgħa.

    Jidher li 'lbieraħ kien hemm xi laqgħat bejn l-operaturi taċ-ċirklu, uffiċjali tal-MEPA u l-pulizija u li s-soluzzjoni li nstabet hi dik li kollox jiċċaqlaq bi ftit metri.