Milizzji Xija fl-Iraq javvanzaw lejn Tal Afar

    Il-milizzji Xija qalu li bdew attakk kontra l-militanti tal-Istat Iżlamiku fil-Punent ta’ Mosul. Din saret bħala parti mill-missjoni biex din il-belt tittieħed minn idejn il-militanti. 

    Il-gruppi Hashid Shaabi qalu li l-għan tagħhom huwa li jkeċċu lill-militanti tal-Istat Iżlamiku mill-belt t’a Tal Afar, u b’hekk iwaqqfu r-rotta ta’ provvista lejn Mosul mis-Sirja.

    Tal Afar kellha maġġoranza Xija qabel l-Istat Iżlamiku ħadha taħt idejh fl-2014. 

    Mosul hija belt Sunni, u minħabba f’hekk il-militanti Xija wegħdu li huma mhux se jidħlu fiha. L-Iraq beda l-offensiva l-ġimgħa li għaddiet.

    L-armata tal-Iraq, il-Kurdi u forzi alleati – bl-appoġġ tal-qawwa tal-ajru tal-Istati Uniti – komplew javvanzaw bil-għan li jieħu l-belt ta’ Mosul, il-kapitali tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq.

    Uffiċjali tal-milizzja Xija meta tkellmu ma’ midja internazzjonali qalu li l-għan ta’ din il-missjoni hija li jwaqqfu l-provvisti bejn Mosul u Raqqa u b’hekk ikompli jissaħħaħ l-assedju. L-istess uffiċjali qalu li l-operazzjoni kienet mibdija min zona fin-Nofsinhar ta’ Mosul.

    Waqt operazzjonijiet militari kontra l-Istat Iżlamiku, il-militanti Xija kemm-il darba kienu akkużati li wettqu delitti tal-gwerra kontra ċittadini Sunni.

    Huwa stmat li f’Mosul għad fadal xejn inqas minn 1.5 miljun persuna. Teżisti l-biża’ li l-militanti tal-Istat Iżlamiku jistgħu jkunu qed jużaw lil dawn in-nies bħala tarka umana.