Riżultat rispettabbli mill-Maltin

    Ritratti: CHRISTINE BORG

    Ingilterra …….…..2

    Malta ………......….0

    F’partita diffiċli kontra l-Ingilterra, f’Wembley Stadium, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2018, Malta tilfu biss bl-iskor ta’ 2-0 biex dan kien riżultat mill-aktar rispettabbli.

    Iżda wieħed irid jgħid ukoll li kieku ma kienx għas-saves determinanti tal-goalkeeper Malti, Andrew Hogg, l-iskor seta’ kien ħafna ikbar minn dan.

    Matul id-90 minuta, deher evidenti in-nuqqas ta’ kontinwitá bejn is-settur ta’ nofs il-ground u dak tal-attakk hekk kif l-uniku xutt li l-Maltin indirizzaw wasal, fil-81 minuta, minn kanunata angolata li ġiet milqugħa bi tbatija mill-goalkeeper Ingliż, Joe Hart.

    Kienu l-Ingliżi li ħolqu l-ewwel azzjoni denja ta’ nota wara biss tmien minti permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa tal-captain Wayne Rooney li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Andrew Hogg li salva b’mod spettakolari.

    Fit-22 minuta, Hogg salva parzjalment fuq daqqa ta’ ras ta’ Dele Alli iżda mir-rebound, Daniel Sturridge, minn qagħda ferm ideali, xeħet inkredibbilment għoli.

    Fid-29 mi­nuta, l-Ingliżi fetħu l-iskor meta din id-darba DA­NIEL STURRIDGE ma ħafirx meta wara li rċieva minn cross perfett ta’ Daniel Henderson, xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka minkejja t-titjira in extremis tal-goalkeeper Malti.

    Fit-33 minuta, l-Ingliżi kienu għoddhom skorjaw goal ieħor meta tentattiv minn daqqa ta’ ras tal-midfielder offensiv ta’ Manchester United, Jesse Lingard, ġie milqugħ bi bravura minn Hogg. 

    Iżda t-tieni goal għall-Ingilterra ma damx biex wasal hekk kif ħames minuti biss wara huma rduppjaw meta xutt mill-viċin tal-midfielder offensiv ta’ Tottenham Hotspur, DELE ALLI ġie milqugħ minn Hogg li iżda ma żammx biex mir-rebound, l-istess player spara fix-xibka,

    Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Ingliżi komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u fit-53 minuta freekick insidjuż tal-captain Wayne Rooney ġie mdawwar f’corner minn Hogg. Fl-64 minuta, Theo Walcott, resaq viċin li jagħmilhom tlieta għall-Ingilterra, iżda t-tentattiv minn lob delizzjuż ma qarraqx bil-goalkeeper Malti li dawwar f’corner.

    INGILTERRA: 1-Joe Hart, 2-Kyle Walker, 3-Ryan Bertrand (14-Danny Rose 19), 4-Jordan Henderson, 5-Gary Cahill, 6-John Stones, 7-Theo Walcott (20-Marcus Rashford 68), 8-Dele Alli, 9-Daniel Sturridge (19-Jamie Vardy 73), 10-Wayne Rooney, 11-Jesse Lingard -Coach: Gareth Southgate

    MALTA: 1-Andrew Hogg, 4-Gareth Sciberras, 5-Andrei Agius, 6-Steve Borg, 8-Paul Fenech, 13-Andrè Schembri (10-Rowen Muscat 86), 17-Ryan Camilleri, 18-Bjorn Kristensen, 19-Alfred Effiong (9-Michael Mifsud 76), 20-Zach Muscat, 22-Alex Muscat Coach-Coach: Pietro Ghedin

    REFEREE: Stefan Johannesson (Svezja)

    ASS. REFEREES:Fredrik Nilsson, Mehmet Culum  (Svezja)

    RABA’ UFF: Mohammed Al-Hakim (Svezja)

    SKORERS:D. Sturridge 19, D. Alli 38 (I)

    AMMONITI: S. Borg (I)

    ATTENDENZA:81,781