Il-GWU mhux se taċċetta li l-COLA ma tingħatax mill-1 ta' Jannar

    Il-General Workers Union fi stqarrija qalet li qed tagħmel ċar illi mhix se taċċetta li fl-1 ta' Jannar li ġej il-ħaddiema kollha, tal-Gvern u tal-privat, ma jingħatawx iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tħabbret fil-baġit 2013. Il-GWU qed issostni dan għax il-ftehim tal-Incomes Policy ma jsemmi xejn dwar approvazzjoni jew le ta' xi baġit.

    Il-GWU qalet li l-Incomes Policy jistabilixxi ċar illi l-perċentwali stabbilit ikun applikat fuq il-paga minima liema ammont jiżdied fl-ewwel ta' Jannar ta' kull sena bl-ammont tal-COLA. Il-unjin żiedet tgħid li l-istess Incomes Policy jipprovdi wkoll li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tkun effettiva fuq iż-żidiet li jaqgħu wara l-Ewwel ta' Jannar wara li d-data tkun stabbilità.

    Il-GWU spjegat li dak li normalament jiġri wara li titħabbar żieda għall-għoli tal-ħajja fil-baġit, huwa li l-Employment Relations Board japprova dik iż-żieda kif imħabbra u mbagħad il-Ministru responsabbli jippublika l-avviż legali għal dan l-effett u b'hekk tkun tista' tingħata ż-żieda tal-COLA. Għaldaqstant, il-GWU ma tara xejn xi jżomm milli dan il-proċess jitwettaq.

    Il-unjin qalet ukoll li l-ftehim kollettiv li kien iffirmat ftit tal-ġimgħat ilu għall-ħaddiema tal-Gvern jgħid ċar li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja hija inkluża fiż-żieda miftehma f'dan il-ftehim kollettiv li diġà qiegħed fis-seħħ u għaldaqstant din iż-żieda għandha tingħata awtomatikament.

    “Fil-baġit il-Gvern wiegħed ukoll li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja tingħata b'mod sħiħ lill-pensjonanti u għalhekk xejn m'għandu jżomm li l-pensjonanti jieħdu dak li huwa tagħhom bi dritt mill-Ewwel ta' Jannar li ġej,” kompliet il-GWU.

    Il-GWU se tkun qed tinforma lill-għaqdiet ta' min iħaddem biex tagħmel il-punt tagħha ċar biex dawn jagħtu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja fl-1 ta' Jannar 2013 u b'hekk jevitaw diversi kumplikazzjonijiet li jistgħu jinħolqu wara dik id-data.