Wirja ta’ illustrazzjonijiet għall-Metamorfosi ta’ Ovidju

    F’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u mal-Malta Classics Association, Evenings on Campus 2012 tal-Università ta’ Malta jippreżentaw wirja ta’ illustrazzjonijiet għall-Metamorfosi ta’ Ovidju mill-artista Ġermaniża, Monika Beisner.

    Bħal Ovidju, Monika Besiner hija wkoll artista li tħobb tgħid l-istejjer permezz tax-xbihat li toħloq. Ovidju rnexxielu jagħti ċerta ħajja lil suriet umani u divini u anki forom tan-natura, li kollha jġarrbu xi bidla sabiex joħorġu mid-diffikultà li jkunu nqabdu fiha. Monica Besiner qed tagħti dimensjoni ġdida lil Ovidju bix-xbihat tagħha li, b’immedjatezza li taħkem daqs kemm timpressjona, twassal l-intensità tal-passjonijiet umani (u mhux daqstant umani), li jfawru l-paġni tal-Metamorfosi.

    Imma Beisner tagħmel iktar minn hekk. Għaliex kull xbieha li tagħtina, imnebbħa minn waħda mit-trasformazzjonijiet ta’ Ovidju, mhix biss illustrazzjoni tal-ġrajja. Kull waħda għandha wkoll dimensjoni indipendenti. Fid-diversità tal-kreazzjoni, Besiner kapaċi tara l-linji u t-tessituri b’sempliċità iktar konnessa mat-tfal. Xogħolha kapaċi jitrasmetti s-sens ta’ ferħ li bih irnexxielha toħloq forom u suriet ġodda kif kien għamel il-poeta Ruman bil-versi mħeġġa tiegħu. Tabilħaqq, Beisner twassal il-versi Latini ta’ Ovidju bil-poeżija partikolari tagħha ta’ kulur u dettall.

    Monika Beisner tgawdi reputazzjoni internazzjonali bħala illustratriċi tal-kotba tat-tfal. Il-wirjiet tagħha daru d-dinja. It-tpinġijiet tagħha għad-Divina Commedia ta’ Dante (2005), ġew ippubblikati fil-Ġermanja u l-Italja. Bħalissa qed taħdem fuq l-epika ta’ Gilgamex.

    Wieħed jista’ jara din il-wirja ta’ 36 prints ta’ Monika Beisner fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, bejn is-17 ta’ Lulju u l-15 ta’ Awwissu. Id-dħul huwa mingħajr ħlas. Il-ftuħ uffiċjali se jsir mill-Prof. Paul Sant Cassia fl-24 ta’ Lulju 2012.