Broken Dreams: album ġdid li jimmarka 15-il sena ta’ Colourblind

    Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-15-il sena minn mindu l-band ewlenija Maltija Colourblind bdew jiltaqgħu u jdoqqu flimkien tista’ tgħid li bdew minn Lulju u Awwissu li għadda. Minkejja dan, fl-aħħar xhur il-band ħadmet flimkien biex tikteb diski ġodda, tirrekordja u anke tipprepara għal żewġ gigs proprju fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u l-bidu tax-xahar id-dieħel. F’dawn l-okkażjonijiet ukoll, Colourblind qegħdin iniedu album ġdid bl-isem ta’ Broken Dreams.

    Colourblind ħadu sehem fil-Beer Festival u taw anke wirja spettakolari fl-Ayia Napa Youth Festival f’Ċipru. Barra minn hekk, żaru l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ftit tal-jiem wara.

    Fl-album il-ġdid ta’ Colourblind se jkun inkluż ukoll vidjo diġitali bl-isem ta’ “The Ayia Napa Experience” u li wieħed jista’ jarah permezz ta’ kompjuter. B’mużika oriġinali mill-kitarrist Alistair Galea u Dean Montanaro fuq il-bass, tidher il-band f’esperjenza sajfija fil-festival ta’ Ayian Napa. Il-mużika tal-vidjo hi inkluża wkoll bħala silta mużikali fuq is-cd bħalma hi inkluża wkoll intervista intervista qasira mal-band.

    Fis-cd ma tonqosx ukoll il-kanzunetta li poġġiet lill-Colourblind fl-20 post minn 65 band rock li ħadu sehem fil-Hard Rock Rising aktar kmieni din is-sena.

    Minkejja dan il-qofol tas-cd hi l-kanzunetta “Broken Dreams” li fil-fatt issemmiet għaliha s-cd. Il-mużika tagħha hi komposta mill-band u l-lirika hi miktuba minn Sean Galea. Titkellem dwar il-ħolma ta’ persuna li tinkiser, li iżda jiġbor il-biċċiet li jkun fadal u jerġa’ jibda mill-ġdid.

    Is-cd se jkun għall-bejgħ waqt il-Generator Festival bejn it-30 u l-1 ta’ Diċembru. Intant, Colourblind qegħdin jippreparaw biex jiċċelebraw il-15-il sena tagħhom b’ċelebrazzjonijiet matul is-sena d-dieħla.

    Min jixtieq aktar informazzjoni dwar Colourblind jista’ jidħol fuq www.colourblind.ws jew inkella fuq Facebook.