Maqtul b'daqqa ta' qarn f'ġirja mal-barrin fi Spanja

    Spanjol inqatel u żewġt irġiel oħra, fosthom Ġappuniż, qalgħu daqqa ta' qrun fil-ġiri mal-barrin fi Spanja llum, hekk kif il-Festival ta' San Fermin li jsir f'Pamplona, daħal fit-tielet jum tiegħu.

    Ir-raġel ta' 28 sena miet wara li qarn minnhom taqqblu l-pulmun u qalbu waqt ġirja ħdejn Valencia.

    Il-barri laħqu hekk kif ir-raġel kien qed jipprova jgħin ġerrej ieħor fl-avveniment li jsir darba fis-sena. Is-sena l-oħra raġel ieħor tilef ħajtu fil-ġiri mal-barrin.

    Gruppi favur id-drittijiet tal-annimali jgħidu li l-barrin ikunu mbeżżgħin bi sparaturi ta' pistoli, mogħtijin xokkijiet u xxuttjati mill-ispettaturi li jattendu bi ħġarhom għal dan il-festival.

    Ħafna rħula Spanjoli jtellgħu festivals fis-sajf li jinvolvu l-barrin. San Fermin huwa l-aktar wieħed popolari fosthom u jiġbed eluf ta' persuni minn Spanja u anke minn barra l-pajjiż.

    (Ritratt: Xena komuni li tara f'Pamplona waqt il-festival)