Imwarrbin il-pjani biex il-monument lil Ġlormu Cassar isir quddiem il-Konkatidral

    Wara l-oġġezzjonijiet li kien hemm b'mod partikolari mis-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali dwar l-applikazzjoni għall-Monument lill-arkitett Ġlormu Cassar u lil Francesco Laparelli, jidher li issa ġew imwarrbin għalkollox dawn il-pjani. Issa qed jiġi propost sit ġdid għal dan il-monument u dan hu fi Triq l-Ordinanza, eżatt wara l-bini tal-Parlament.

    Dan il-monument għal Ġlormu Cassar u Francesco Laparelli hu propost minn Heritage Malta. Oriġinalment, Heritage Malta riedet li l-monument isir quddiem il-kampnar tal-arloġġ tal-Konkatidral ta' San Ġwann. Dan iżda kien wassal għal oġġezzjonijiet mis-Sovrintendenza fejn hi kienet qalet li qed tqis li ma ġietx ipprovduta  b'dettalji adekwati dwar il-monument propost.

    L-istess entità kienet qalet li Misraħ San Ġwann hu spazju miftuħ fil-Belt Valletta li hi patrimonju dinji tal-UNESCO. Qed jingħad li dan l-ispazju hu ddisinjat li jservi bħala spazju miftuħ quddiem il-Konkatidral. Spazju li ħafna artisti jużawh biex jipproduċu xogħlijiet tal-arti li jikkonċernaw il-faċċata tal-Konkatidral.

    Is-Sovrintendenza f'ittra li kitbet lill-MEPA sostniet li, "Dak l-ispazju fil-kunċett tiegħu kellu jkun spazju miftuħ. Dan l-ispazju nħoloq bit-twessigħ ta' Triq San Ġwann. Dan l-ispazju  miftuħ għandu valur fih innifsu u għandu jkun priservat. Is-Sovrintendenza kkonsultat lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral u l-Uffiċċju tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u dawn qablu li l-monument propost mhux adattat għal dak il-post. Il-monument jikkompeti mal-valur arkitettoniku tal-Konkatidral u ta' Misraħ San Ġwann. Il-monument se jkun interferenza addizzjonali. Dan l-ispazju storiku għandu jitħalla kif inhu."

    Intant hemm min jargumenta li l-arkitett Ġlormu Cassar m'għandu bżonn l-ebda monument biex infakkruh. Il-faċċata tal-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Palazz Verdala, il-Knisja ta' San Mark fir-Rabat, u l-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta huma fost il-monumenti ħajjin tiegħu li għadhom jitgawdew sal-lum. 

    Imbagħad hemm min jargumenta li dan il-personaġġ Malti, li tant ħallielna bini majestuż, jistħoqqlu jkollu monument. Sorsi li kienu tkellmu magħna kienu qalu li, "Kellna sitwazzjoni redikola f'dan l-pajjiż, fejn kelba li nqatlet għamilnielha monument u personaġġ bħal dan Malti - li kellu l-fiduċja assoluta tal-Ordni ta' San Ġwann - ma kellna ebda monument biex infakkruh. Għandna monumenit kemm trid li jfakkru nies barranin, iżda ebda wieħed lill-arkitett Ġlormu Cassar. Il-fatt li issa se jidher li se jsir dan l-monument, se jkun pass 'il quddiem biex dan l-arkitett jibqa' mfakkar. Nittamaw li l-monument ikun verament jixraq lil dan l-personaġġ."

    L-arkitett Malti Ġlormu Cassar twieled fis-sena 1520 u studja f'Ruma u Napli. Hu kellu għal qalbu ħafna l-istil rinaxximentali u użah f’ħafna bini li ħadem f’Malta. Dan kien bini li l-karatteristika prinċipali fl-istil tiegħu kien in-nuqqas ta’ ornamenti fil-ġebla. L-arkitetti bħal Ġlormu Cassar li kienu jibnu f’dan l-istil kienu influwenzati minn arkitettura militari li kienet timxi fuq linji dritti u sempliċi.  

    Cassar kien assistent tal-arkitett Francesco Laparelli fil-bini tal-Belt Valletta u meta Laparelli telaq minn Malta, ix-xogħlijiet kienu  fdati f'idejn Cassar.